Poster li jippromwovi d-Drittijiet tat-Tfal

Tletin sena wara li l-mexxejja tad-dinja wegħdu li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal kollha, għad hawn miljun ta’ tfal li ma jmorrux skola, jiffaċċjaw il-faqar, ikunu esplojtjati, vjolentati, traskurati u abbużati.

Rapport intiolat: It-Tieni Rivoluzzjoni: 30 sena ta’ drittijiet tat-tfal u l-aġenda mhux mitmuma”, jgħid li wasal iż-żmien biex il-komunità internazzjonali li twettaq il-wegħdi li ma nżammux mill-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal.

Ir-Rapport mħejji mill-Alleanza ‘Joining Forces’ li tiġbor fiha sitt organiżazzjonijiet ewlenin li jaħdmu favur it-tfal, jitlob għal impenn ġdid favur it-tfal. L-Alleanza trid li l-Gvernijiet jieħdu azzjoni qawwija favur tfal li għadhom qed isofru, ħafna drabi b’riżultat ta’ diskriminazzjoni bażata fuq l-identità tal-ġeneru, razza, reliġjon, orjentazzjoni sesswali jew diżabilità.

“Sar progress kbir favur it-tfal wara li kienet adottata l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, iżda ma nistgħux ninsew il-miljuni li tħallew lura,” qalet Meg Gardinier, Chairperson tal-Alleanza. “Id-dinja tinsa lit-tfal l-aktar vulnerabbli – dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar estrem, dawk li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet fraġli, tfal refuġjati u oħrajn b’diżabilità. Meta niġu biex insarrfu l-impenn tagħna f’bidliet ta’ veru, ma wasalniex u hemm bżonn nagħmlu aktar u aħjar. Dan hu falliment morali, legali u ekonomika li ma nistgħux naffordjaw”.

 X’fadal isir

Statistika internazzjonali turi l-isfidi li għad fadal:

Kull sena:

  • Aktar minn 5 miljun tifel u tifla jmutu minn mard li jista’ jkun evitat. Nofs dawn l-imwiet huma kaġunati min-nuqqas ta’ ikel;
  • 95,000 tifel u tifla – 70% minnhom subien – jinqatlu filwaqt li 15-il miljun tfajla adoloxenti huma vittma ta’ sess furzat;
  • 64 miljun tiefl u tifla m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni primarja;

Ir-Rapport juri liema huma l-fatturi ewlenin li qed iwaqqfu l-progress, fosthom nuqqas ta’ investiment f’servizzi li għandhom importanza kruċjali għat-tfal. Ħafna pajjiżi jonfqu ferm anqas minn 6% tal-Prodott Gross Domestiku biex jassiguraw kura għas-saħħa ta’ kulħadd.  L-għajnuna barranija, li l-pajjiżi fqar jiddependu ħafna minnha, qed tonqos fejn jidħlu s-saħħa u l-edukazzjoni.

Fattur ieħor hu n-nuqqas ta’ data tajba. Il-gvernijiet jużaw data li turi l-medja nazzjonali u allura jkun diffiċli tidentifika l-bżonnijiet ta’ sezzjonijiet speċifiċi ta’ tfal.

L-Alleanza qed tappella lill-Gvernijiet li jieħdu azzjoni fuq il-partijiet kollha tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal. Dan għandu jinkludi:

  • Ikunu mplimentati liġijiet, politika, baġits u programmi li jkunu jinkludu lit-tfal kollha;
  • Il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal emarġinati kollha u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
  • Ngħinu fil-parteċipazzjoni tat-tfal fejn meħtieġ u nosservaw id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u l-opinjoni.

Nagħtu vuċi lit-tfal

Li nagħtu vuċi vera lit-tfal, nisimgħu u naċċettaw il-veduti tagħhom hu kruċjali biex ikun hemm progress. It-tfal għadhom ikunu trattati bħal dawk li b’mod passiv jadottaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-kbar, minkejja l-fatt li d-dritt tagħhom li jipparteċipaw hu wieħed mill-prinċipji kardinali tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal.

Jeżistu ostakli f’kull livell tas-soċjetà li jvarjaw min-nuqqas ta’ rikonoxximent fil-liġijiet u l-politika, l-adulti mhux kapaċi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tat-tfal b’mod veru u nuqqas ta’ aċċess għal ġustizzja għat-tfal li jridu jiġġieldu kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom.

Lucija, tifla Spanjola li kienet intervistata biex tħejja r-rapport tal-Alleanza qalet: “Isimgħuna. Hemm ħafna nies li jaħsbu li meta tkun għadek tfal, l-opinjoni tiegħek tkun waħa redikola.  Jew li ma tagħmilx sens, jew li ma tiswiex anke jekk tkun tajba. Għax int tifel jew tifla, il-fehma u l-opinjoni tiegħek ma jiswewx”.