REUTERS/Francois Lenoir

Il-Membri tal-Parlament Ewropew Nazzjonalisti qalu li jappoġjaw in-nomina ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea filwaqt li l-MEPs Laburisti għadhom indeċiżi.

Fl-attività pparteċipaw Roberta Metsola, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar. Ixxandar ukoll filmat irrekordjat minn Brussell bil-kumment ta’ David Casa li fih qal li se “nagħtu l-appoġġ lil Ursula von der Leyen”.

Waqt l-ewwel laqgħa pubblika minn meta nħatru mill-ġdid bħala Membri tal-Parlament Ewropew, David Casa u Roberta Metsola qalu li jappoġjaw lil von der Leyen.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Roberta Metsola spjegat li hija appoġjat il-pakkett sħiħ maqbel fil-Kunsill Ewropew. Spjegst li permezz ta’ dan il-pakkett hija vvutat għas-Soċjalist Sassoli biex imexxi l-Parlament Ewropew fis-sentejn u nofs li ġejjin. Spjegat ukoll li fadal xi jsir biex aktar MEPs jappoġjaw din in-nomina.

Il-vot mistenni li jsir nhar it-Tlieta li ġej fi Strasburgu. Metsola spjegat li fin-nuqqas li von der Leyen tassigura maġġoranza fil-Parlament Ewropew, ikun ifisser li jkollu jittieħed vot ieħor f’Settembru bil-konsegwenza li x-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea tibda erba’ xhur wara jiġifieri fi Frar 2020.

Fit-tweġiba tagħhom lil Newsbook.com.mt, kemm Alex Agius Saliba kif ukoll Josianne Cutajar ma kkommettewx ruħhom li jappoġjaw il-pakkett li kien maqbul mill-kapijiet ta’ stati Ewropej inkluż il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Alex Agius Saliba stqarr li von der Leyen ikkonvinċietu f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam ambjentali iżda dwar l-immigrazzjoni qal li fil-laqgħat li s-Soċjalisti kellhom magħha ħarbet milli twieġeb ċerti mistoqsijiet. Stqarr li se jkun qed jiddeċiedi l-ġimgħa d-dieħla stess fi Strasburgu wara laqgħat oħra li għandhom isiru. Josianne Cutajar qalet li se tkun qed titlob aktar kjarifiċi mingħand von der Leyen dwar il-proċess tal-iSpitzenkandidat biex dan ikun ikkonsolidat.

L-attività għall-pubbliku f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta ġiet ippreżentata minn Anna Zammit, l-Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Hija qalet li hemm stennija dwar x’se jkun l-eżitu tal-vot dwar il-Presidenza tal-Kummssjoni Ewropea. Spjegat li hemm inċertezza dwar jekk Ursula Von Der Leyen hux se ġġib biżżejjed voti mill-Parlament Ewropew biex in-nomina li ġabet mill-Kunsill Ewropew tiġi kkonfermata.

Id-diskussjoni kienet immexxija minn Rachel Attard.

Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu nhar it-Tlieta 16 ta’ Lulju.