L-Isqfijiet tat-tliet pajjiżi Aàfrikani juru tħassib dwar in-nuqqas ta' sigurtà f'pajjiżhom

“Għal darb’oħra aħna nkwetati mill-ħidma ta’ gruppi armati u n-nuqqas ta’ sigurtà fiż-żoni tal-fruntieri ta’ bejn it-tliet pajjiżi tagħna”.  Dan qaluh l-Isqfijiet tal-Burundi, l-Congo u Rwanda f’dikjarazzjoni li ħarġu wara Konferenza tal-Isqfijiet tat-tliet pajjiżi li saret f’Kinshasa.

“Din is-sitwazzjoni qed tħalli ħafna vittmi u qed twassal ukoll għall-emigrazzjoni tan-nies. Aħna nħossuna qrib il-vittmi kollha tal-vjolenza, l-inġustizzji u dawk milquta bl-Ebola u nafdawhom ‘l Alla fit-talb tagħna”.

Skont rapport tal-aġenzija FIDES, l-Isqfijiet appellaw lin-nies tal-politika biex jużaw id-djalogu bħala mezz biex ikunu solvuti l-kunflitti filwaqt li mpenjaw ruħhom li jaħdmu fuq kwestjonijiet bħalma huma l-emigrazzjoni, l-użu tar-riħorsi naturali, l-ambjent, il-ġustizzja, il-paċi, r-rikonċiljazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi minerali.

Is-Saltna tad-Dritt

L-Isqfijiet żiedu jgħidu fl-istqarrija tagħhom li “L-akkumpanjament tal-politiċi tal-pajjiżi tagħna, biex jimxi u josservaw is-Saltna tad-Dritt hi dimenzjoni intrinsika tal-Evanġelju u tal-missjoni tagħna”.

F’dan ir-rigward, l-Isqfijiet iddeċidew li jintegraw it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja fil-formazzjoni ta’ qassisin ġodda u rrakkomandaw li jkunu żviluppati programmi strutturati u sistematiċi għal matul din il-formazzjoni. L-iskop hu li jonqos id-distakk bejn il-formazzjoni teoretika li tingħata waqt it-tħejjija għas-saċerdozju u l-ħtiġijiet prattiċi li l-qassisin jiltaqgħu magħhom fil-qadi tal-missjoni li għaliha huma msejħa.

Waqt il-laqgħa tal-Isqfijiet kienu diskussi suġġetti oħra fosthom l-abbuż sesswali ta’ minuri minn membri tal-kleru.  Il-parteċipanti semgħu it-testimonjanza ta’ Fr. Olivier Forhlich, Vigarju Ġenerali ta’ djoċesi fil-Belġju li qasam magħhom l-esperjenza ta’ pajjiżu fl-għajnuna lill-vittmi tal-abbuż u l-kollaborazzjoni mas-sistema ġudizzjarja ċivili.pajjiżhom