F’Malta kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ kampjuni ta’ prodotti mhux konformi mar-rekwiżiti tal-limiti fuq il-pestiċidi minn 13.5% fl-2016 għal 2.4% fl-2017.

Dawn in-numri joħorġu mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) fir-rapport annwali tagħha dwar l-2017.

B’kollox, il-pajiżi li dwarhom jitratta r-rapport analiżżaw 801 pestiċida differenti. Malta analiżżat 290, il-Ġermanja 692, ir-Renju Unit 394, u Ċipru 292. Bħala medja, 229 pestiċida differenti kienu analizzati għal kull kampjun. Malta analizzat 126 pestiċida.

F’Malta ttieħdu 145 kampjuni. Fil-Ġermanja ttieħdu 19,254, 3,195 fir-Renju Unit, u 716 f’Ċipru.

Ir-rapport sab li 95.9% tal-88,247 kampjuni analizzati fl-2017 kienu fil-livelli legali. Fl-2017, 2.4% (2)  tal-kampjuni ġejjin minn Malta ma kellhomx livelli aċċettabli ta’ pestiċida. Il-Ġermanja kellhom 2.1% (188), ir-Renju Unit 3% (55), u ċ-Ċipru 5.7% (29).

Meta wieħed jikkonsidra l-popolazzjoni tal-pajjiżi għal kull 100,000 abitant, Malta kienet is-seba’ pajjiż minn 30 li ħadet kampjuni.

L-akbar maximum residue level (MRL) exceedance rates ġew rappurtati għal prodotti minn Ċipru, il-Greċja, u Franza (aktar minn 4% tal-kampjuni qabżu l-MRL). B’kollox, l-MRLs inqabżu f’4.1% (3,620) tal-kampjuni analizzati fl-2017.

Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri qalli jilqa’ r-riżultati tal-EFSA. Qal li r-riżultati juru kif 97.4% tal-kampjuni kollha vverifikati nstabu f’livelli li huma konformi u li l-ammont ta’ pestiċidi ma jaqbiżx il-limitu aċċettabli stabbilit.