Malta għandha waħda mill-ogħla rati tas-syphilis fl-Unjoni Ewropea skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevezjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

Din l-informazzjoni toħroġ minn rapport tal-ECDC bbażat fuq data mill-2017 li ttieħdet minn The European Surveillance System (TESSy).

Fl-2017, kien hemm 33,189 każ konfermat ta’ syphilis fi 28 pajjiż. Dan ifisser madwar 7.1 każijiet għal kull 100,000 persuna f’pajjiżi b’sistema ta’ sorveljanza komprensiva.

L-akbar rati ġew osservati fl-Iżlanda (15.4 każ għal kull 100,000 persuna), Malta (13.5), ir-Renju Unit (11.8), u Spanja (10.3). Rati baxxi ta’ inqas minn 3 każijiet għal kull 100,000 kienu osservati fil-Kroazja, f’Ċipru, fl-Estonia, fl-Italja, fil-Portugal, u fi Slovenja.

Każijiet f’Malta

2013: 45

2014: 49

2015: 41

2016: 40

2017: 62

Il-proporzjon ġenerali bejn in-nisa u rġiel fl-2017 kien ta’ 8.5:1.

L-akbar rati fost l-irġiel (aktar minn 15-il każ għal kull 100,000 persuna) kienu osservati fil-Ġermanja, fl-Iżlanda, f’Malta, u fir-Renju Unit.

Ir-rati fost in-nisa kienu l-ogħla (aktar minn 3 każijiet għal kull 100,000 persuna) fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fl-iżlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, f’Malta, fir-Rumanija, u fi Slovakkja.

Skont ir-rapport, bejn l-2010 u l-2017, ħafna pajjiżi speċjalment dawk fil-Punent tal-Ewropa osserva żieda qawwija fin-numru ta’ rapporti dwar każijiet ta’ syphilis. Il-każijiet irduppjaw mil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja, f’Malta, fin-Netherlands, u fir-Renju Unit.

Intqal li ż-żieda fis-syphilis f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-aktar imbuttata minħabba infezzjonijiet fost irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra, hija marbuta maż-żieda f’attività sesswali riskjuża.

X’inhi s-syphilis?

Is-syphilis hija marda li tiġi trażmessa b’mod sesswali.

Hemm erba’ fażijiet tas-syphilis. Is-sintomi tal-ewwel fażi normalment jidhru bejn 10 ijiem u 3 xhur wara li wieħed ikun espost għas-syphilis. Normalment, l-ewwel sinjal viżibli tas-syphilis huwa sore żgħira li ma tweġġax.  Din normalment tkun fil-punt minn fejn il-bakterja jkunu daħlu fil-ġisem. Din is-sore titlaq waħedha wara ftit ġimgħat imma ma jfissirx li wieħed ikun fieq. Ikun ifisser li wieħed ikun dieħel fil-fażi li jmiss tal-marda.

Wieħed jista’ jagħmel appuntament mal-GU clinic ta’ Malta fuq 2122 7981.