Hemm ċans li d-dilettanti tal-avjazzjoni jerġgħu jibdew igawdu l-Wirja Internazzjonali tal-Ajru mis-sena d-dieħla.

Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni żvelat dan fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook fejn qalet li tinsab f’diskussjonijiet avvanzati mal-Ministeru għat-Turiżmu biex terġa’ tibda torganizza dan l-avveniment li issa ilu ma jsir għal dawn l-aħħar sentejn.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li s-Soċjetà rċiviet id-dokumenti meħtieġa mill-Ministeru u issa qed tistenna risposta dwar meta se jsiru l-laqgħat biex jiġi ffirmat il-ftehim.

Is-sena l-oħra s-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni kienet ilmentat li ma sabitx appoġġ mill-Ministeru għat-Turiżmu biex torganizza dan l-avveniment.

Aqra: L-airshow titħassar “għax ma weġibx il-Ministeru”

L-aħħar Wirja Internazzjonali tal-Arju kienet saret fl-2017 b’wirja statika fl-Ajruport Internazzjonali u wirja akrobatika fl-ajru fuq Smart City. L-Airshow, li tradizzjonalment kienet issir lejn l-aħħar ta’ Settembru, kienet ilha ssir għal 25 sena u fil-passat ħadu sehem fiha timiijiet acrobatiċi tal-ajru bħar-Red Arrows u l-Frecce Tricolori.