Ħafna saċerdoti jibdlu d-djoċesi tagħhom kull sena

Medja ta’ 19,000 saċerdot madwar id-dinja jemigraw minn kontinet għal ieħor kull sena.

L-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Knisja ħareġ nota, li kienet rappurtata f” L-Osservatore Romano’,  li tikkwantifika l-emigrazzjoni tal-qassisin bejn il-kontinenti.

Il-mobilità tas-saċerdoti djoċesani fid-dinja fl-2017 kienet ta’ ftit anqas minn 19,000 individwu, li hu l-istess numru ta’ dawk li emigraw fl-2013 jew 21.3% aktar minn dawk li ċċaqalqu fl-2005, iżda 25.9% anqas mill-1978.

Fl-Africa u l-Asia kellhom bilanċ negattiv fis-sens li n-numru ta’ qassisin djoċesani li waslu f’dawn il-kontinenti minn postijiet oħra kien inqas min-numru ta’ qassisin li telqu minnhom.

L-Ewropa u l-Oċeanja kellhom bilanċi migratorji pożittivi filwaqt li l-Amerika għall-perjodu bejn l-2013 u l-2017 dejjem kellha bilanċ pożittiv, jiġifieri waslu fiha qassisin aktar milli telqu lejn kontinenti oħra.

Fil-perjdou bejn l-1978 sal-2017 il-moviment migratorju tal-qassisin bejn il-kontinenti kellu sehem importanti, għalkemm limitat, fil-Knisja Kattolika. Dan iċ-ċaqlieq ta’ qassisin minn post għall-ieħor ma jistax ikun eskluż fis-snin li ġejjin.

Is-saċerdoti fl-Ewropa u l-Amerika huma l-aktar anzjani fl-età u n-numru tagħhom jidgħajjef għax il-qassisin ġodda huma ftit.

Fil-futur, l-Asja u b’mod partikolari l-Afrika, fejn in-numru ta’ saċerdoti ġodda qed jiżdied jistgħu jieħdu fuqhom il-funzjonijiet li sal-lum isiru mis-saċerdoti fl-Ewropa u fl-Amerika u allura jiggarantixxu tiġdid qawwi fit-timijiet ekklesjastiċi.