Il-Qorti ordnat liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri biex jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj 17 Black. Il-Maġistrat Victor Axiak qal f’digriet maħruġ illum li l-Qorti ma kinetx se tittollera aktar dewmien.

Il-Maġistrat qal li għandu jsir kontro-eżami ta’ Schembri fis-seduta li jmiss. Ma kienx se jaċċetta li s-seduta tiġi aġġornata għal ġurnata oħra sakemm it-talba ma tkunx relatata ma’ raġunijiet serji tas-saħħa.

Schembri kien mistenni li jixhed fil-proċeduri ta’ libell li hu kien fetaħ kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Busuttil kien akkużah li rċieva flus mit-tixħim. Il-każ ġie aġġornat f’Jannar wara li l-avukati argumentaw dwar jekk Schembri għandhux jixhed dwar 17 Black.

Identifikat sid il-kumpanija 17 Black; jintalbu riżenji u investigazzjonijiet

Schembri kien fetaħ il-libell kontra Busutill minħabba l-kummenti tiegħu waqt protesta kontra l-korruzzjoni li saret fil-Belt Valletta fl-2016. F’Jannar, Schembri talab biex qabel ma jkun hemm il-kontro-eżami, Busuttil jiddikjara taħt ġurament dwar meta huwa sar jaf bil-kumpaniji 17 Black u MacBridge.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale ngħata l-promozzjoni għal Imħallef qabel ma ddeċieda dwar jekk Schembri għandux jixhed dwar 17 Black jew le.

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.