Il-Professur Janet Mifsud, li kellha rwol strumentali fit-twaqqif u tmexxija tal-Assoċjazzjoni tal-Epilessija tal-Caritas Malta ingħatat premju internazzjonali fejn ġiet magħrufa bħala ambaxxatur tal-epilessija.

F’messaġġ fuq Facebook, il-Caritas Malta qalet li l-Prof. Mifsud li ġejja mid-Dipartiment tal-Clinical Pharmacology and Therapeutics fl-Università ta’ Malta rebħet il-premju bl-isem ta’ International Epilepsy Ambassador Award li jsir mill-International Bureau for Epilepsy (IBE) u l-International League Against Epilepsy (ILAE) waqt l-aħħar kungress internazzjonali tal-Epilessija li sar fit-Tajlandja.

Aqra: Jekk tbati mill-epilessija…

Il-Caritas Malta spjegat li dan il-premju ngħata lil Mifsud tal-promozzjoni u r-riċerka tagħha dwar l-epilessija fuq livell internazzjonali u lokali. Hi kienet bdiet l-Assoċjazzjoni dwar l-Epilessija ta’ Caritas Malta fl-1996 u s-Soċjetà Maltija tal-Epilessija fl-1997. Hi mexxiet ukoll numru ta’ attivitajiet relatati mal-epilessija f’Malta inkluż l-introduzzjoni ta’ suġġetti dwar l-epilessija fil-kurrikulu ta’ numru ta’ degrees fil-qasam tas-saħħa.

Il-Prof. Mifsud ħadmet ukoll fil-qasam tal-epilessija kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq livell internazzjonali. Hi involuta f’numru ta’ proġetti ta’ riċerka dwar is-suġġett.

Aqra: L-epilessija kif tolqot lin-nisa?

L-epilessija hija waħda mill-kundizzjonijiet newroloġiċi l-iżjed komuni li tiġri meta jkun hemm elettriku eċċessiv fil-moħħ. Din il-kundizzjoni taffettwa madwar 1% tal-popolazzjoni fid-dinja u fil-Gżejjer Maltin hawn ’il fuq minn 4000 persuna li għandhom din il-kundizzjoni.

Propju llum, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tagħmel il-laqgħa ġenerali annwali tagħha.