Filmat li qed idur fuq il-midja soċjali juri ċerva tiġri fi Triq Burmarrad. Il-persuna li tellgħet il-filmat qalet li qatt f’ħajjitha ma’ ħasbet li kien se jirnexxielha tara ċerva għaddejja fit-triq f’Malta.

Intant kienu bosta dawk li kkummentaw fuq il-filmat li ttieħed ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsilejl u qalu li kienu fiż-żona fejn kien hemm numru ta’ pulizija u ħaddiema tad-Dipartiment għad-Drittijiet u l-Ħarsien tal-Annimali. Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mad-Dipartiment iżda ġie mitlub jgħaddi l-mistoqsijiet tiegħu lill-kelliem għall-Ministeru għall-Ambjent.

Il-kelliem għall-Ministeru spjega li ċ-ċerva ħarbet mill-Birdpark u hekk kif daħal ir-rapport id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali beda ħidma immedjata biex iċ-ċerva tiġi kontrollata. Hu ikkonferma li involuti fil-ħidma kien hemm id-Direttorat ghat-Trattament Xieraq tal-Annimali kif ukoll il-pulizija.

Filwaqt li xi nies baqgħu imbellħa li xi ħaġa tat-tip ġrat f’Malta, oħrajn ħaduha opportunità sabiex jgħidu xi ċajta tant li qalu li raw lil Santa Klaws idur it-toroq Maltin ifittex iċ-ċerva li ħarbitlu.