Iċ-ċiklist Taljan Lorenzo Gobbo spiċċa ddaħħal l-isptar għal kura intensiva minħabba li waqt tellieqa bir-roti spiċċa biex taqqab il-pulmun b’biċċa injama mit-trakka. Dan l-inċident seħħ waqt il-kompetizzjoni Ewropea ta’ taħt it-23 sena ġewwa Ghent fil-Belġju.

Il-biċċa injama qatgħetlu koxxtu u taqbitlu ġenbu. Riżultat ta’ dan spiċċa biex ittaqqablu l-pulmun. L-atleta li għandu biss 17-il sena ttieħed l-isptar b’emerġenza biex setgħet titneħħielu l-injama u tingħatalu l-kura meħtieġa.

Waqt it-tellieqa li kien qed jieħu sehem fiha Gobbo, kien hemm ħabta bejn numru ta’ roti u pedal minnhom ħaffret it-trakka u naqalgħat biċċa mill-injam li b’xorti ħażina waqa’ fuqha Gobbo.