Kellimni.com, is-sit li joffri sapport online permezz ta’ chat, e-mail jew Smart Messaging għandu reklam li fost l-oħrajn iġib tfajla tistaqsi mistoqsija li forsi tgħaddi minn moħħ ħafna: “kulħadd għandu għarus u jien le, x’għandi ħażin?”

Ir-reklam iħeġġeġ lil kull min għandu bżonn xi tip ta’ għajnuna jew jasal f’punt f’ħajtu fejn forsi jaħseb li jinsab maqbud f’sitwazzjoni diffiċli sabiex ma jibżax ifittex l-għajnuna li hemm disponibbli. Kellimni.com joffri s-servizz tiegħu b’mod anonimu, b’xejn, b’mod kunfidenzjali u 24 siegħa kuljum.

Aqra: Vjolenza domestika? Ara min jista’ jgħinek

Matul l-2018, Kellimni rċeviet aktar minn 8,000 messaġġ li nqdew b’mod immedjat minn persuni kwalifikati. Jidher li problemi psiko-soċjali huma l-aktar problemi komuni li bosta mill-utenti rreferew għalihom. Statistika turi li 69 miċ-chats ta’ Kellimni kienu jinvolvu każijiet relatati ma’ vjolenza domestika.

Total ta’ 50% tal-vittmi kienu nisa, filwaqt li 33.3% kienu rġiel. 16.7% ħbew l-identità tagħhom u b’hekk ġew klassifikati fil-kategorija “unkown” (mhux magħrufa). Jidher li n-numru ta’ chats relatati mal-vjolenza domestika baqgħu l-istess ammont ta’ dawk tal-2017.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ibgħat lil Kellimni.com fejn se ssib xi ħadd lest li jgħinek f’kull ħin tal-ġurnata. Ftakar li qatt ma inti waħdek!