PL

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li nies li mhux kuntenti bir-riforma fil-liġi tal-kirjiet jafu li hija ġusta. Dan qalu f’intervista rrekordjata s-Sibt u mxandra llum fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit.

Spjega li l-liġi tal-kirjiet li ġiet approvata fi stadju tat-tieni qari fil-Parlament kienet ilha ssir ħidma fuqha ta’ kważi sena qabel ma ħarġet il-white paper. Qal li kien hemm qbil unanimu fil-Parlament li hija xi ħaġa importantissima.

“L-ekonomija kibret imma ma jfissirx li m’hemmx nies lura”

Il-Prim Ministru sostna li minkejja t-tkabbir ekonomiku li għaddej minnu l-pajjiż, jinsab konxju li hemm xi persuni li forsi għadhom aktar lura minn oħrajn. Madanakollu sostna li taħt dan il-Gvern, il-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna Maltin tjiebet. Spjega li meta wieħed jieħu l-istampa kollha ġiet maħluqa middle class ġdida.

“Il-qasam tas-servizzi finanzjarji kompla jikber”

Muscat qal li l-qasam tas-servizzi finanzjarji kompla jikber minkejja kritika tant li rreġistra tkabbir ta’ 10%. Qal li dan sar filwaqt li setturi oħrajn komplew jikbru. Qal li hemm iktar minn 12,000 persuna li qed jaħdmu f’dan il-qasam u li għandhom pagi għolja u ta’ kwalità.

“Qed nagħmlu dmirna dwar l-immigrazzjoni”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fejn sostna li Malta qed taqdi dmirha internazzjonalment. Qal li f’ċertu sitwazzjonijiet hemm kollaborazzjoni kemm ma’ pajjiżi Ewropej u kemm mal-Libja. Tkellem dwar il-każ riċenti ta’ l-bastiment Alex fejn il-Gvern Taljan u dak Malti waslu fi qbil li jekk l-immigranti jiddaħlu Malta, il-Gvern Taljan jieħu l-istess ammont ta’ immigranti li jinsabu Malta. Qal li minkejja dan, l-NGO xorta ma aċċettatx u l-bastiment daħal Lampedusa.