Il-Kunsillier Justin Schembri qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed isibha diffiċli biex isib għalliema tal-Matematika għax dawk li jiggradwaw fis-suġġett imorru għal opportunitajiet ta’ xogħol li jħallsu iktar. Qal li infatti, dawk li jkomplu jistudjaw biex isiru għalliema qed imorru mal-€50,000 minn taħt.

F’post fuq Facebook, il-kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara qal li ħafna minn dawk li jiggradwaw fil-Matematika li forsi l-għan inizjali tagħhom kien li jsiru għalliema, jispiċċaw imorru jaħdmu mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Schembri ġab l-eżempju ta’ żewġ żgħażagħ li jiggradwaw bl-istess degree, wieħed jagħżel li jgħallem u l-ieħor jagħżel li jieħu impjieg offrut mill-NSO. Spjega li d-differenzi fis-salarji huma ħafna speċjalment meta wieħed jikkalkula fuq il-perjodu sakemm l-għalliem jieħu l-ewwel salarju wara ħames snin Università. Spjega li dak li jagħżel li jieħu l-professjoni ta’ għalliem jispiċċa jitlef sentejn ta’ paga, ekwivalenti għal kważi €50,000 jekk minflok ikollu jieħu l-impjieg tal-NSO. Dan hekk kif filwaqt dak li jmur jaħdem għall-NSO jibda b’impjieg immedjat wara tliet snin, dawk li jkunu jridu jsiru għalliema jkun għad fadlilhom sentejn oħra biex jiksbu l-Masters in Teaching and Learning.

Hu rrimarka wkoll li l-NSO qed toffri l-miżuri tal-familja fosthom sigħat flessibbli u pakkett finanzjarju li jista’ jilħaq €35,000 salarju li għalliem irid ikun serva aktar minn 20 sena biex jasal qrib dak l-ammont. Sostna li s-salarji tal-għalliema għadhom ma jattrattawx liż-żgħażagħ.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

Fl-aħħar xhur qam dibattitu sħiħ dwar il-piż żejjed li qed jintefa’ fuq għadd ta’ għalliema tal-istess suġġett u anke dak tal-Malti fejn minħabba n-nuqqas ta’ għalliema, ħafna minn dawk li huma impjegati fl-iskejjel tal-Gvern qed jaħdmu bil-piż massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa. L-Union tal-Għalliema (MUT) wara numru ta’ laqgħat li ma waslu għall-ebda ftehim mal-Ministeru għall-Edukazzjoni kienet ordnat sabiex l-għalliema ma jagħtux il-kontribut tagħhom għall-karti tal-eżamijiet kemm ta’ nofs u anke dawk tal-aħħar tas-sena.