Bħala parti mill-istrateġija tat-tkabbir tiegħu, l-HSBC Bank Malta p.l.c. nieda l-HSBC International Business Fund (HIBF) ta’ €250 miljun biex jappoġġja kumpaniji ambizzjużi li qed ifittxu orizzonti ġodda għan-negozju tagħhom.

Dan il-fond tnieda waqt avveniment fuq The Sheer Bastion biex jirrifletti kemm it-tema tal-kampanja, kif ukoll l-istorja rikka tal-kummerċ marittimu ta’ Malta. L-avveniment tmexxa mill-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane, flimkien mad-Direttur Eżekuttiv u l-Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju Michel Cordina, u l-Kap tal-Kummerċ Bankarju Joyce Grech.

Michel Cordina qal, “Il-fond ta’ €250 miljun jippermetti lill-investituri, lin-negozjanti u lin-negozji biex jimbarkaw fuq vjaġġi ġodda li jiftħulhom opportunitajiet internazzjonali. B’uffiċċji fi 53 pajjiż u territorju, u aktar minn 5,000 maniġer tar-relazzjonijiet li joperaw madwar id-dinja, l-HSBC jinsab f’pożizzjoni unika biex iġib flimkien klijenti potenzjali fi swieq ġodda, jipprovdi għarfien lokali permezz tan-nies tagħna fuq il-post, u joffri appoġġ finanzjarju għal negozji f’Malta biex jespandu globalment. Dan il-Fond hu ukoll disponibbli biex jgħin negozji internazzjonali li jridu jinvestu f’Malta ħalli jkomplu jgħinu lill-ekonomija Maltija tkompli tikber.”

Il-firxa u l-kompetenza globali tal-HSBC jgħinu madwar 1.5 miljun klijent fin-negozju – minn negozji żgħar sa kumpaniji multinazzjonali – ħalli jiksbu l-aqwa riżultati mill-potenzjal tagħhom. Il-maniġers tar-relazzjonijiet tal-HSBC huma appoġġati minn speċjalisti f’erba’ oqsma: il-Kummerċ Globali u r-Receivables Finance, il-Likwidità Globali u l-Cash Management, Banking Globali, kif ukoll l-Assigurazzjoni u l-Investimenti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane qal, “L-ekonomija tal-lum hi waħda globali u interkonnessa, u fl-HSBC aħna kapaċi nqabbdu n-negozji Maltin ma’ dawk is-swieq li qed jikbru l-aktar malajr madwar id-dinja. Bit-tnedija tal-International Business Fund li għandu kwart ta’ biljun Euro, aħna lesti li nagħtu l-appoġġ tagħna lil kumpaniji lokali li għandhom ambizzjonijiet li jestendu lejn orizzonti ġodda.”

Il-Kap tal-Kummerċ Bankarju tal-HSBC Joyce Grech qalet: “Kuntenta li qed inniedu dan il-Fond hekk kif qed nibda mmexxi l-ħidma tal-Kummerċ Bankarju tal-HSBC. It-tim tiegħi u jien ħerqana li ngħinu lil kumpaniji biex jużaw il-ħiliet tal-HSBC għall-aqwa vantaġġ tagħhom.”

Aktar tagħrif jinkiseb minn fuq is-sit business.hsbc.com.mt