Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-miġja fir-raħal tal-Vara Titulari ta’ Santa Venera V. u M., nhar l-Erbgħa 17 ta’ Lulju fis-7 ta’ filgħaxija, se jitlaq pellegrinaġġ devozzjonali mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja l-Qadima. Dan qed isir bħala parti mill-attivitajiet li l-Kumitat Parrokkjali Santa Venera 100 Sena Fostna qiegħed jorganizza. Il-Parroċċa qiegħda tfakkar u tiċċelebra dan iċ-Ċentinarju permezz ta’ diversi attivitajiet li saru u se jsiru matul din is-sena. Ir-rotta li ħa jieħu l-Pellegrinaġġ se tkun simili għal dik li hi maħsuba li ttieħdet mitt sena ilu.

Ir-rotta li ħa jieħu l-Pellegrinaġġ se tkun simili għal dik li hi maħsuba li ttieħdet mitt sena ilu. Fi tmiem il-pellegrinaġġ il-Vara se tiddaħħal fil-Knisja l-Qadima u tinżamm hemm sat-Tnejn, 22 ta’ Lulju. Dan se jagħti laqta’ storika lil din l-attivita’ hekk kif il-Vara se tinżamm fil-post li fih ittieħdet mitt sena ilu u li minnu nxerdet id-devozzjoni lejha.

Il-Vara Titulari ta’ Santa Venera V. u M. ħarġet minn idejn l-artist Karmenu Mallia, qormi mlaqqam ‘il-Lhudi’. Benefattur ewlieni kien Tumas Dalli li jingħad li ħallas għal din l-opra ta’ arti wara l-wegħda li għamel lil Santa Venera li la darba jfieq mill-malarja li kienet ħakmitu, jikkummissjoni vara. Din tlestiet f’ħin tajjeb sabiex setgħet tintuża għall-ewwel festa li kienet ħa tiġi ċċelebrata mill-Parroċċa wara t-twaqqif tagħha fl-4 ta’ Settembru 1918.

Il-Vara Titulari turi lill-qaddisa tippriedka. Santa Venera, qaddisa tas-seklu tnejn, kienet predikattriċi tal-fidi tagħna. Infatti, it-tema li ntagħżlet għal dan iċ-Ċentinarju hi ‘Inxandru lil Kristu Msallab’ mill-kitba ta’ missierna San Pawl lill-Korintin. L-id il-leminija qiegħda mergħfuha ‘l fuq, bil-werrej jipponta lejn is-sema b’simbolu tat-tagħlim f’Alla wieħed. F’idha ix-xellugija qiegħda tħaddan il-Kurċifiss u l-Palma, b’simbolu tal-martirju, bit-tliet kuruni tal-glorji tal-qaddisin. L-ilbies fin ifakkarna fil-ġid li Venera qasmet mal-foqra. L-ilwien abjad, aħdar u aħmar jirrappreżentaw is-safa, it-tama fi Kristu u l-martirju rispettivament. Wiċċ il-qaddisa qiegħed iħares lejn il-poplu miġbur; il-figura ta’ Santa Venera hi għall-qalb il-poplu Vendriż u hi dik li tgħaqqdu bħala komunità.