Is-Superintendent għall-Patrimonju Kulturali Joseph Magro Conti qal li mhux bilfors li l-għerien u x-xelter fix-Xagħra ikunu aċċessibbli għall-pubbliku minħabba li s-sit huwa privat. Qal iżda li l-applikant tal-binja li se tinbena fix-Xagħra fuq għerien u xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija jrid iħalli aċċess lill-uffiċjali tas-Sovrintendenza biex jissalvagwardjaw il-wirt kulturali.

Huwa qal dan f’kummenti lil Newsbook.com.mt u qal li wieġeb l-ittra li fiha r-residenti wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-iżvilupp li qed isir fi Triq ta’ Bullara fix-Xagħra, Għawdex. Fit-tweġiba tiegħu, Magro Conti jgħid li t-tindif tal-art kien parti minn evalwazzjoni arkeoloġika mis-Sovriontendenza għall-Patrimonju Kulturali bħala parti mill-analizi tal-permess oriġinali biex jiġi aċċertat jekk kienx hemm fdalijiet arkeoloġici jew ta’ valur kulturali.

Stqarr li l-għerien u xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija imsemmija se jinżammu skont il-pjanti approvati u l-kundizzjonijiet tal-permess.

Pjanta tal-Perit Alexander Bigeni tas-sit fi Triq ta’ Bullara fix-Xagħra, Għawdex

Mistoqsi jgħid jekk is-Sovrintendenza hiex se taċċerta li jkun hemm aċċess pubbliku għas-sit fejn hemm ix-xelter u l-għerien, Magro Conti qal li ma jistax jobbliga persuna biex tiftaħ il-propjetà privata tagħha lill-pubbliku. Huwa qal li l-applikazzjoni l-ġdida quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar hija dwar tibdil fl-applikazzjoni li diġà ġiet approvata. Spjega li fl-applikazzjoni approvata, is-Sovrintendenza aċċertat li jsiru l-istudji neċessarji u qal li l-applikant ħallas il-flus biex qabbad arkeologu biex jagħmel l-analiżi tas-sit.

F’ittra li ntbagħtet ilbiraħ lill-Prim Ministru bl-oġġezzjoni tar-residenti ntqal li l-art kienet tal-Gvern u għaddiet għand il-privat fl-aħħar snin.

Ilbieraħ Newsbook.com.mt żvela kif fix-Xagħra hemm applikazzjoni għal binja ta’ erba’ sulari li fiha mistennija jinbnew disat idjar fuq għerien u xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija.

AQRA: Binja ta’ 4 sulari fuq għerien u xelter fix-Xagħra

Is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali qalet li mhix se toġġezzjona għal dan l-iżvilupp għaliex innutat li fil-pjanti, l-iżviluppatur qal li se jżomm tliet metri ‘l bogħod mill-għerien u x-xelters li jinsabu f’dan is-sit. Mhux maħsub li jkun hemm aċċess pubbliku għal dawn ix-xelters u l-għerien.

This slideshow requires JavaScript.