Tifel ta’ 10 snin qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq tal-Imġarr il-Mosta jew kif inhi magħrufa l-Bypass tal-Imġarr. Huwa ttieħed l-isptar flimkien ma’ anzjana ta’ 71 sena mill-Mellieħa li ġiet iċċertifikata li qed ssofri minn ġrieħi ħfief. L-inċident seħħ ftit qabel is-1pm.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-impatt seħħ bejn karozza misjuqa minn mara ta’ 71 sena mill-Mellieħa li magħha kellha passiġġier ta’ 10 snin u karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 71 sena wkoll mill-Mellieħa. Miegħu kien hemm raġel ta’ 38 sena mill-Greċja, mara ta’ 38 sena mill-Kanada, tifla ta’ erba’ snin u tifel ta’ sena mill-Kanada wkoll.

Fuq il-post issejħu uffiċjali tal-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ħadu lill-mara u t-tifel l-Isptar Mater Dei filwaqt li l-irġiel ta’ 71 sena u ta’ 38 sena marru fiċ-Ċentru tas-Saħħa fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief. Il-mara u t-tfal ma sofrew l-ebda ġrieħi.