Raġel weġġa’ gravi wara li qala’ daqqa ta’ arma taqta’ u bil-ponta f’wiċċu waqt argument f’San Ġiljan.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-11.10am fi Triq Lapsi. Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit marru fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 25 sena, residenti San Pawl il-Baħar bi ġrieħi f’wiċċu.

L-investigazzjonijiet ħarġu li r-raġel allegatament safa ferut permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument li kellu ma’ raġel ieħor li għandu 44 sena u joqgħod San Ġiljan.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater. Mara ta’ 32 sena, residenti San Ġwann li wkoll kienet involuta fl-argument u r-raġel ta’ 44 sena ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Is-suspettat għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.