Ritratt: Facebook

L-aktar drama segwita fil-gżejjer Maltin se tkompli fuq TVM f’Ottubru. Proprju lbieraħ filgħaxija, intemm l-ewwel jum tal-ġbid tat-tieni sensiela.

Justin Farrugia u Steven Dalli f’isem Sharp Shoot Media qed jipproduċu u jidderieġu dan ix-xogħol li għandu kitba ta’ Audrey Brincat Dalli, l-istess awtriċi tas-sensiela suċċess Strada Stretta.

AQRA: Jiċċelebraw sitt snin jipproduċu programmi għat-televiżjoni; Stennija kbira għat-tieni staġun ta’ L-Għarusa

Matul dan it-tieni staġun tispikka l-mistoqsija tat-telespettaturi hekk kif issa jittamaw li jiskopru min kien li qatel lil Bettina Gauci Fontana.

Matul it-tieni staġun li jixxandar bejn Ottubru u l-aħħar ta’ Marzu fuq TVM naraw kif se tissokta l-istorja ta’ Bettina sa minn sena qabel iż-żwieġ u eventwalment il-qtil tagħha fl-1931.

Però dan mhux biss għax hemm ukoll l-istorja ta’ dak li seħħ wara l-qtil ta’ Bettina.

U biex tgħaqqad it-trufijiet ta’ dan kollu hemm l-istorja li sseħħ f’dawn iż-żminijiet bejn Liz u Alan, li ddur madwar il-libsa ta’ l-għarusa.

Matul dawn ix-xhur tas-sajf, TVM qed jerġa’ jxandar il-puntati tal-ewwel staġun ta’ L-Għarusa kull nhar ta’ Ġimgħa b’żewġ puntati wara xulxin bejn it-3pm u l-5.20pm, b’ripetizzjoni wkoll fuq TVM 2, is-Sibt u l-Ħadd fis-07.30am fuq TVM 2.