Ġunju li għadda kien l-iktar Ġunju sħun li ġie rreġistrat fuq il-Gżejjer Maltin għal dawn l-aħħar 96 sena.

Dan kien kkonfermat minn stqarrija mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn ġie spjegat li l-iktar jum sħun tax-xahar kien id-9 ta’ Ġunju. Dan hekk kif fl-eqqel tal-mewġa tas-sħana meta t-temperatura dik il-ġurnata laħqet is-37.8°C. Minn naħa l-oħra, l-inqas temperatura għax-xahar ġiet irreġistrata fl-ewwel jum, meta t-temperatura tal-ajru kienet 14.6°C.

Aqra: APPELL mill-Gvern minħabba s-sħana

“22 siegħa iżjed xemx mis-soltu”

Inqas sħab irriżulta f’sigħat twal ta’ xemx tikwi għall-Gżejjer Maltin, b’349.9 sigħat ta’ xemx irreġistrati. Dan ifisser li kien hemm 22 siegħa iktar min-norma klimatika.

Aqra: Ara x’għandek tagħmel minħabba s-sħana qabel tagħti d-demm

Ġunju din is-sena kien wieħed minn erbgħa biss matul dawn l-aħħar 70 sena li ma rreġġistrawx qatra xita. L-iktar jum imdawwal kien nhar it-3 ta’ Ġunju, hekk kif tkejlu 13.1-il siegħa ta’ xemx.

“Ġunju l-iktar wieħed sħun li qatt esperjenzat l-Ewropa”

Skont l-Organizazzjoni Dinjija tal-Meteoroloġija, it-temperatura medja li ġiet irreġistrata madwar l-Ewropa f’Ġunju qabżet il-medja b’2°C. Dan ifisser li Ġunju ma kienx biss wieħed sħun għal Malta, iżda wkoll l-iktar wieħed sħun li qatt esperjenzat l-Ewropa.

Aqra: Is-sħana tremenda tikkawża nirien u mwiet madwar l-Ewropa