Nies f'Guinea-Bissau jiċċelebraw ir-rebħa fl-elezzjonijiet tal-pajjiż

L-Isqfijiet f’Guinea Bissau appellaw lill-Gvern il-ġdid li għadu kif kien elett biex jiggarntixxi l-paċi u s-sigurtà u joħroġ lill-pajjiż mill-kriżi li waqa’ fiha f’dawn l-aħħar snin.  Qalu li huma kunfidenti li jista’ jkun hemm il-paċi.

Fll-2015 il-Gvern tal-pajjiż kien waqa’ wara nuqqas ta’ ftehim bejn il-President u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Minn dakinhar ‘l hawn dan il-pajjiż żgħir fil-Punent tal-Afrika kien qed jgħix f’instabilità politika kontinwa.

Il-ġid komuni

Dan l-aħħar, l-Isqfijiet fil-kapitali ta’ dan il-pajjiż insistew fuq il-ħtieġa li l-politiċi jikkonċentraw il-ħidma tagħhom fuq il-ġid komuni filwaqt li l-Isqof Camnate Na Bissign qal li “dawk biss li huma animati minn spirtu patrijottiku għandhom jibqgħu fil-politika u mhux dawk li jaħsbu biss kif isolvu l-problemi personali tagħhom”, kif rappurtat mill-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit”.

L-Isqof Bissign waqt li kien qed jitkellem fuq stazzjon kattoliku tar-radju qal li l-poplu tal-Guinea-Bissau jixraqlu l-paċi, l-istabilità u s-sigurtà. Huwa fakkar kif il-poplu kien esprima l-għażla tiegħu fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu li għadda u issa kien imiss lil dawk eletti biex iwettqu l-wegħdi li għamlu.

Is-sehem tan-nisa

F’intervista fuq l-istess stazzjon radjofoniku, l-Isqof ta’ Bafata, Mons. Pedro Carlos Zilli wera fiduċja fil-Gvern il-ġdid “l-aktar għax daħħal numru sinjifikanti ta’ nisa fit-tmexxija”.

“Nittamaw li dawn in-nisa jkunu kapaċi jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż”. Huwa appella biex ikun hemm djalogu kostruttiv bejn il-Gvern u l-gruppi tal-Oppożizzjoni biex tissaħħaħ id-demokrazija.

Żvilupp u solidarjetà

Fid-dawl tal-elezzjonijiet ta’ Marzu li għadda, l-Konferenza Episkopali tal-Guinea-Bissau ippublikat messaġġ “Il-futur tal-pajjiż jiddependi mill-vot liberu u kuxjenzjuż”.

F’dan id-dokument l-Isqfijiet appellaw lill-komunità biex tħares b’fiduċja lejn il-futur tal-pajjiż. Huma qalu li jagħrfu l-isfidi li għandu quddiemu l-pajjiż, fosthom il-faqar, in-nuqqasijiet fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni u l-isfiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Għalhekk, l-Isqfijiet appellaw biex “jitħares il-ġid komuni” bl-għajnuna ta’ dak li huma sejjħu “politika li tiffoka fuq l-iżvilupp integrali tal-persuna umana u fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”.