Koppja spiċċat il-Qorti akkużata bi vjolenza domestika wara argument li wassal għal ġlieda bl-idejn f’San Ġwann. Ir-raġel baqa’ jinżamm arrestat, iżda l-mara nħelset biex tieħu ħsieb l-erbat itfal tagħhom.

Sirjan ta’ 27 sena residenti l-Imsida u martu Marokkina ta’ 32 sena residenti l-Imsida wkoll ilbieraħ għall-ħabta tas-1.30pm f’Misraħ Lourdes spiċċaw fi ġlieda fejn weġġgħu lil xulxin.

Ir-raġel ġie akkużat li poġġa ħajjet martu fil-periklu u darabha b’mod gravi, li ħebb għaliha, weġġagħha b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni u kiser il-paċi pubblika. Intant il-mara ġiet akkużata bl-istess akkużi tar-raġel, kif ukoll li volontarjament għamlet ħsara li fuq ħwejjeġ żewġha li jammontaw bejn €250 u €2,500.

Il-prosekuzzjoni talbet għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront taż-żewġ persuni, u wkoll sabiex titratta l-każ bħala wieħed ta’ vjolenza domestika.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ta l-ħelsien mill-arrest lill-mara hekk kif din trid tieħu ħsieb erbat itfal iżda r-raġel baqa’ jinżamm arrestat.