Il-produzzjoni teatrali Zayden, li se titella’ l-Ispendid bil-Malti f’Lulju, tesplora l-problema ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom f’Malta.

Il-kittieb u direttur, Tyrone Grima, jispjega lil Newsbook.com.mt li din il-ġrajja, interpretata minn attur wieħed, se tkun waħda mill-iktar produzzjonijiet interessanti fl-istaġun teatrali dan is-sajf f’pajjiżna.

L-istorja hija dwar ġuvni Malti li baqa’ bla saqaf fuq rasu għal bosta snin. L-attur li se jinterpreta dan ir-rwol huwa Jacob Piccinino, attur imħarreġ fil-mima, li ħa jieħu lill-udjenza fuq vjaġġ interattiv fil-ħajja ta’ Zayden.

Grima jgħid li ħafna mill-produzzjoni hija bbażata fuq ġrajjiet li seħħew tassew, kemmxejn mibdulin biex tinżamm il-kunfidenjalità, biex turi lill-udejenza Maltija li hawn numru ta’ żagħżagħ Maltin li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Zayden se titella’ b’kollaborazzjoni mas-Salesjani ta’ Don Bosco, li permezz tal-ħidma tagħhom f’Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita joffru sapport u għajnuna lill-ġuvnitur Maltin li m’għandhomx fejn jgħixu. Il-qliegħ ta’ din il-produzzjoni se jingħata lis-Salesjani ta’ Don Bosco.

Il-produzzjoni teatrali se tittella’ fl-Isplendid, Strada Stretta, il-Belt. L-ewwel rappreżentazzjoni se tkun fil-25 ta’ Lulju fit-8.00 pm. Ir-rappreżentazzjonijiet jissuktaw fis-26, 27 u 28 ta’ Lulju, darbtejn kuljum, fis-7.30 u fid-9.00 pm.

Għall-biljetti, kif ukoll għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jmur fuq www.showshappening.com.

Filmat: Miguela Xuereb

Muntaġġ: Coryse Borg