L-attivisti għall-ambjent jinsabu furjużi hekk kif l-Awtorità għall-Ippjanar approvat il-permess ta’ skavar f’Manoel Island minkejja li l-permess ta’ żvilupp bħalissa qed jiġi kkonfrontat b’appell minn Flimkien għal Ambjent Aħjar u r-residenti tal-Gżira.

Fi stqarrija l-għaqda argumentat li bl-approvazzjoni tal-iskavar, il-Kummissjoni tal-Ippjanar se twassal sabiex l-appell tal-attivisti jispiċċa b’konklużjoni minsija, filwaqt li se joħloq kaos sħiħ għall-proċess tal-appell. Intant staqsew x’jiġri jekk l-iżviluppaturi jintalbu jirranġaw il-pjanijiet tagħhom wara li s-sit ikun ġie skavat.

Aqra: FAA tappella mal-PA kontra l-iżvilupp ta’ Manoel Island

L-attivisti emfasizzaw li l-importanza tal-fdalijiet Rumani fiż-żona li se jkunu qed jiġu skavati u tenniet il-probabbiltà li jkun hemm aktar fdalijiet Rumani fl-istess żona. Intant qalu li minkejja dan kollu, l-awtorità tal-ippjanar xorta vvutat b’mod unanimu favur il-permess għall-iskavar mingħajr il-konklużjoni tal-appell.

Fi stqarrija mibgħuta aktar kmieni, l-għaqda qalet li sa ftit żmien ilu, il-MEPA ma kinitx taċċessa permess għad-demolizzjoni jew skavar li ma kienx ikun akkompanjat ma’ applikazzjoni għall-kostruzzjoni. Dan qalu li kien minħabba l-biża’ li jkun hemm xi proġett ieħor li jispiċċa ħofra fl-art, bħall-proġett tal-metropolis tal-Gżira.

Aqra: Approvati 610 appartamenti qalb l-iżvilupp f’Manoel Island

Semmew kif it-talb tas-Superintendent għal evalwazzjoni tal-qiegħ tal-baħar ukoll waqgħet fuq widnejn torox. Qalu wkoll li kien hemm arkeologi li wissew li l-fdalijiet Rumani jmorru lura żewġ millenji.

Fl-aħħar xhur l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qed tappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar favur il-bini ta’ 650 appartament f’Manoel Island. Il-proġett tal-MIDI li ġie approvat fis-7 ta’ Marzu jinvolvi l-iżvilupp ta’ 650 appartament, lukanda ta’ ħames stilel, bridge, marina akbar, u reklamazzjoni tal-art. L-għaqda qalet li l-proġett se jwassal għat-telfa ta’ parti kbira mill-promenade tal-Gżira – l-unika żona miftuħa f’dak il-post.