Il-President John F Kennedy waqt id-diskors tiegħu dwar li l-bniedem kellu jinżel fuq il-qamar qabel tmiem is-Snin 60

Fl-1961, meta t-tellieqa għall-ispazju dehret li se tintrebaħ mir-Russi, kellu jkun il-President Amerikan John F Kennedy li f’diskors imqanqal quddiem il-Kungress Amerikan nhar il-25 ta’ Mejju ta’ dik is-sena kien saħaq li qabel tmien is-Snin 60 l-Istati Uniti kellha tikkommetti ruħha li tniżżel il-bniedem fuq wiċċ il-qamar u twasslu lura fid-dinja qawwi u sħiħ.

Din il-mira tal-Amerikani kienet ilha li bdiet minn snin qabel. Imma kliem il-President taha dik l-imbuttatura li kien hemm bżonn biex NASA, l-aġenzija spazjali Amerikana, tqum tassew fuq tagħha u tagħmel reatà l-ħolma tal-President.

Imma kien hemm l-opinjoni pubblika li l-President ma kienx qed jara sewwa fejn kellhom jintefqu flus il-poplu għax kien hemm prijoritajiet oħra. Il-magażin Time kien innota li “tidher stramba li waqt li hemm bżonn li jintefqu flus fuq programmi militari, għajnuna lill-pajjiżi oħra u d-Difiża Ċivili, qed jagħti l-aktar prijorità li jniżżel bniedem fuq il-qamar.”

Sentejn u nofs wara d-diskors tal-President Kennedy, fit-22 ta’ Novembru 1963, hu kien assassinat f’Dallas, Imbagħad, tmien snin wara d-diskors tiegħu fil-Kungress, il-bniedem tassew mexa fuq il-qamar.

AQRA: Id-diskors tal-President Nixon kieku l-astronawti kienu abbandunati fuq il-qamar

AQRA: Il-mowbajl tiegħek aktar qawwi mill-kompjuter li niżżel il-bniedem fuq il-qamar