Numru ta’ lekċerers, akkademiċi u membri tal-għaqdiet tal-Malti u tal-Ingliż qed juru t-tħassib tagħhom dwar ir-riforma proposta tal-MATSEC, skonthom riforma li “tagħlaq minflok tiftaħ, tibqa’ fil-wiċċ minflok tapprofondixxi” u qalu li, li kieku lingwa barranija tkun obbligatorja għall-istudenti fil-livell postsekondarju, dan ikompli jfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż f’Malta.

Fi stqarrija, dawn spjegaw li din ir-riforma saret mingħajr konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed. Insistew li b’dan il-mod, lingwa barranija qed tiġi imposta fuq l-istudenti tard ħafna fl-edukazzjoni tagħhom, u dan mhuwiex se jgħinhom ikabbru l-għarfien kulturali tagħhom Ewropew jew ikabbru l-ħiliet lingwistiċi tagħhom.

Aqra: Filmat: Jitħabbru bidliet fil-MATSEC

Apparti dan, huma jemmnu li lingwa barranija obbligatorja se tnaqqas l-importanza fit-tagħlim taż-żewġ lingwi ewlenin ta’ Malta, il-Malti u l-Ingliż, billi ħafna studenti jippreferu li jirrikorru għal lingwa barranija obbligatorja, u ma jagħżlux il-Malti jew l-Ingliż bħala l-lingwa tagħhom fil-postsekondarja. Fissru li fil-kuntest tar-riformi li saru fit-tagħlim tal-Malti u l-Ingliż fil-livell Ordinarju, din ir-riforma “se tkompli tfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż li huma ż-żewġ lingwi li l-istudenti jeħtieġu l-aktar, mhux biss fl-Università, imma wkoll fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja inġenerali.”

Aqra: Possibbiltà li lingwa barranija tkun obbligatorja fil-postsekondarja

“Il-proposta trid tiġi riveduta”

Id-Dipartimenti u l-għaqdiet li ħarġu din l-istqarrija qalu li minħabba l-punti msemmija, din ir-riforma qed tmur kontra dak li jiġri fl-edukazzjoni ta’ studenti tal-postsekondarja fil-pajjiżi Ewropej l-oħrajn. Qalu li filwaqt li jifhmu l-importanza tal-ħiliet komunikattivi, jemmnu li l-edukazzjoni trid tgħin lill-istudenti jiżviluppaw b’mod kritiku u indipendenti dak li jridu jwasslu permezz ta’ lingwa effettiva u fl-istess ħin avvanzata.

Qalu wkoll li sabiex l-istudenti jtejbu l-ħiliet komunikattivi tagħhom, id-dokument tal-MATSEC qed jipproponi li s-Systems of Knowledge jingħata struttura ġdida li “tirrifletti integrazzjoni ta’ ħiliet komunikattivi u kulturali”, u b’hekk jinkludi t-tagħlim tal-Malti u l-Ingliż fuq livell komunikattiv biss. Iżda mhuwiex indikat fiċ-ċar x’inhu dan il-livell komunikattiv, mgħallem f’kulleġġi postsekondarji li joffru tagħlim fil-livell Intermedju jew Avvanzat. Skonthom, din il-proposta tneħħi l-enfasi fuq il-kitba u fuq l-għarfien tal-Malti u tal-Ingliż bħala lingwi, bil-konsegwenza li l-istudenti se jmissu ma’ ftit wisq mill-ħiliet li għarfien serju tal-Malti u l-Ingliż jagħtihom biex jirnexxu fl-istudji tagħhom ’il quddiem u fid-dinja tax-xogħol.   

Temmew jgħidu li l-proposta għandha tiġi riveduta b’mod għaqli wara konsultazzjoni serja.

L-istqarrija hija ffirmata mid-Dipartimenti tal-Malti fl-Università ta’ Malta u minn membri mid-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta (Dr Mario Aquilina, Dr Krista Bonello Rutter Giappone, Prof. Stella Borg-Barthet, Prof. Ivan Callus, Prof. James Corby, Dr Petra Caruana Dingli, Dr Giuliana Fenech, Dr Maria Frendo, Dr Marija Grech, Prof. Lydia Sciriha, u Prof. Peter Vassallo), mill-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Junior College, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Kulleġġ San Alwiġi, mid-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fil-Kulleġġ De La Salle, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin, l-English Speaking Union u l-Għaqda tal-Istudenti tad-Dipartiment tal-Ingliż.