Is-suċċess enormi tal-Apollo 11 li wassal lill-ewwel bniedem fuq il-qamar kien repetut sitt darbiet oħra qabel NASA, l-Aġenzija Spazjali Amerikana, waqqfet il-programm. L-aħħar darba li l-bniedem rifes fuq il-qamar kien fl-1972 bil-missjoni ta’ Apollo 17.

Kien hemm 12-il raġel li mxew fuq il-qamar mill-1969 li erbgħa biss minnhom għadhom ħajjin. L-astronawti kienu dawn, u min miet minnhom għandu d-data ta’ mewtu:

Eugene Cernan, l-aħħar bniedem li mexa fuq il-qamar

Neil Armstrong (2012); Buzz Aldrin; Pete Conrad (1999); Alan Bean (2018); Alan Shepard (1998); Edgar Mitchell (2016); David Scott; James Irwin (1991); John Young (2018); Charles Duke; Gene Cernan (2017) u Harrison Schmitt.

L-aħħar bniedem li mexa fuq il-qamar kien Eugene Cernan li miet ta’ 82 sena.

Imma issa n-NASA qed tippjana biex terġa’ twassal il-bniedem fuq il-qamar wara direttiva tal-President Donald Trump. Din il-missjoni għandha twassal l-ewwel mara fuq il-qamar u ngħatat l-isem ta’ Artemis, l-alla mara tal-qamar u oħt Apollo fil-mitoloġija Griega.

NASA qed tipponta biex tniżżel lill-astronawti f’lok fuq in-nofsinhar tal-qamar bil-potenzjal li anki jistabbilixxu bażi. Fil-fatt l-aġenzija ilha toħlom li fuq il-qamar ikun  hemm bażi fejn jgħixu l-bnedmin sa minn mindu waqqfet it-titjiriet ta’ Apollo fl-1972.

Hu ttamat li l-preżenza dejjiema fuq il-qamar għandha twassal biex ikunu ppruvati teknoloġiji u riżorsi li bis-saħħa tagħhom il-bniedem jista’ anki jasal sal-pjaneta Mars.

AQRA: L-ewwel bniedem mexa fuq il-qamar b’imbuttatura mill-President Kennedy

AQRA: Il-mowbajl tiegħek aktar qawwi mill-kompjuter li niżżel il-bniedem fuq il-qamar

AQRA: Id-diskors tal-President Nixon kieku l-astronawti kienu abbandunati fuq il-qamar