L-ex stilla tal-futbol Brażiljan Ronaldinho mhux se jingħaqad ma’ Birkirkara minkejja l-insistenza tad-diriġenti tal-klabb Karkariż li jinsabu f’taħditiet mal-kumpanija li tirrapreżenta l-interessi ta’ Ronaldinho.

Fi stqarrija għall-istampa, l-avukati Maltin ta’ ħu u aġent ta’ Ronaldinho, Ronaldo De Assis Moreira, qalu li l-aġent tal-Brażiljan kien ikkuntatjat mill-klabb ta’ Birkirkara, irrifjuta t-talba li saritlu biex l-ex plejer ta’ Barcelona u Milan, jingħaqad mal-klabb tagħhom.

Il-plejer ta’ 37 sena irtira s-sena li għaddiet wara qatta’ l-aħħar snin jilgħab mal-klabb Brażiljan Fluminense.

Ikkuntatjat minn ġurnal lokali, De Assis Moreira stqarr li Ronaldinho se jżur Malta fix-xhur li ġejjin biex jippromwovi ditta tal-inbid propjetá tal-Brażiljan kif ukoll biex jilgħab Footvolley iżda mhux ma’ Birkirkara.

L-aħbar li Ronaldinho seta’ jingħaqad ma’ Birkirkara li tixxandret fil-ġurnata tal-bieraħ minn diversi siti Maltin ħolqot fervur fost il-partitarji tal-Istripes tant li ritratti li xxerdu fuq il-mezzi soċjali juru li qed jiġu stampi flokkijiet tal-Birkirkara bl-isem ta’ Ronaldinho.