L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza fil-Moldova li ġiet żviluppata mill-istess kumpanija li tbiegħ iċ-ċittadinanza f’Malta, Henley & Partners, ġiet sospiża temporanjament. Dan sar minħabba li qamu mistoqsijiet dwar il-kumpaniji involuti fil-programm.

Il-President tal-Moldova, Igor Dodon ħabbar id-deċiżjoni tal-gvern f’konferenza tal-aħbarijiet wara laqgħa mal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tal-pajjiż. Dodon ġie kkwotat jgħid li qam tħassib dwar ċertu kumpaniji involuti f’dan il-programm. L-iskema ġiet sospiża sakemm tiġi indirizzata l-problema.

Skont ġurnali tal-pajjiż, Dodon qal li għalkemm il-kumpanija hi barranija, fost il-kumpaniji li hemm qed jbejgħu l-passaport fil-Moldova hemm kumpaniji żgħar b’minnhom jinvolvu Moldovani stess. Dawn il-kumpaniji qajmu suspett minħabba lis-sidien tagħhom huma dubjużi.

Il-kumpanija Henley & Partners bdiet topera l-iskema wara li rebħet il-konċessjoni fil-Moldova f’Lulju tas-sena l-oħra. Il-kumpanija qalet li l-passaport tal-Moldova joffri aċċess mingħajr viża lejn 121 pajjiż li jinkludu pajjiżi fiż-żona Schengen.

Fl-2014, il-kumpanija kienet bdiet topera skema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza f’Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet iddikjarat li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u skemi tar-residenza b’investment kienu qed joħolqu periklu għall-istati membri kollha kif ukoll l-Unjoni Ewropea.