Ritratt: Amazon

‘Ċikkulata’ u biljett tad-deheb mill-film Willy Wonka & The Chocolate Factory tal-1971, inbiegħu għal £15,000 waqt irkant li sar dan l-aħħar.

Iċ-‘ċikkulata’ li kienet magħmula mill-kartun, bil-biljett rebbieħ “tad-deheb”, oriġinarjament kienu tal-attriċi Julie Dawn Cole, li fil-film kienet interpretat lil Veruca Salt, it-tifla mfissda li riedet akkost ta’ kollox li tkun waħda mir-rebbieħa.

Bħal ma spiss jiġri, jkun hemm affarijiet żgħar li l-atturi jeiħdu magħhom minn fuq is-sett, u hekk kienet għamlet f’dik il-ħabta din l-attriċi li ħadet magħha dan il-prop magħmula minn kartuna, imgeżwer fir-wrapper ta’ Wonka bil-biljett taparsi tad-deheb.

48 sena ilu tagħtu lill-ħabiba tagħha Linda Carr minn Sherborne, fl-Ingilterra, flimkien ma’ xi ritratti tal-attriċi.

Dawn issa ġew mibjugħa f’irkant li sar f’Surrey għas-somma ta’ £15,808.

Interessanti nsemmu li meta dawn l-affarijiet tpoġġew biex jinbiegħu għal dan l-irkant, ħasbu li mhux se jġibu iktar minn £12,000!

Il-poster tal-film tal-1971

Il-film Willy Wonka & The Chocolate Factory tal-1971 kien addattament tal-ktieb Charlie & the Chocolate Factory li Roald Dahl ippubblika fl-1964. Minħabba f’tibdil li sar minn dak li Dahl kien kiteb, dan iddeċieda li ma riedx ikun assoċjat mal-film meta nħareġ.

Gene Wilder ħadem il-parti ewlenija ta’ Willy Wonka, iżda ma kienx l-attur li kellhom f’moħħhom il-producers għax qabel ma waslu għad-deċiżjoni li joffrulu l-parti, kienu qed jikkunsidraw ukoll lil Fred Astaire, Joel Grey, Ron Moody u Jon Pertwee.

Għalkemm il-film ta’ WIlly Wonka llum il-ġurnata jitqies bħala wieħed mill-klassiċi taċ-ċinema, il-ġenerazzjoni tal-lum hija aktar familjari mal-verżjoni li Tim Burton ħadem fl-2005 bl-isem ta’ Charlie & The Chocolate Factory u li kellha lil Johnny Depp fil-parti ewlenija ta’ Willy Wonka.