Il-Gvern ħareġ sejħa għal iktar klassijiet temporanji, jew kontejners, għall-istudenti.

Il-prefabricated classrooms jew klassijiet temporanji se jkunu qed jintużaw fl-Iskola Primarja tar-Rabat li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Nikola kif ukoll fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Tereża.

Is-sejħa li ħarġet fil-bidu ta’ Lulju se tagħlaq fl-1 ta’ Awwissu.

Skont ir-rikwiżiti mniżżla fis-sejħa, kull cluster unit irid ikollu 4 klassijiet, tnejn livell mal-art u tnejn direttament fuqhom. Il-klassijiet għandhom jaslu fuq il-post żarmati iżda jkunu kompluti bl-eletrikku, arja kkundizzjonata u għandhom jintramaw fuq is-sit.

Il-Minority Leader ta’ Birkirkara  u għalliem Justin Schembri saħaq li l-kontejners se jkunu qed jnaqqsu l-ispazju miftuħ fl-iskejjel ikkonċernati. Schembri ma’ Newsbook.com.mt sostna li dawn il-klassijiet se jkunu qed inaqqru l-ispazju miftuħ li huma ġa ristretti fl-iskejjel imsemmija. Kompla jispjega li huwa ironiku li fi żmien fejn qed titrawwem iktar kuxjenza dwar l-ispazju miftuħ li jinċentiva l-eżerċizzju fiżiku, qed jittieħed l-ispazju miftuħ. Schembri ddeskriva dan kollu bħala “politika tal-illappazzar”.

Fi Frar li għadda tfal li jattendew l-iskejjel ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun spiċċaw kostretti jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom f’kontejners mibdula fi klassijiet temporanji.

Aqra iktar:

Studenti jispiċċaw jitgħallmu fil-kontejners – Puli

“Bżonn iktar serjetà fl-investiment fil-klassijiet mhux fil-kontejners”