Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret nhar is-Sibt li għadda, il-membri preżenti tal-Għaqda tal-Malti – Università eleġġew kumitat ġdid għas-sentejn li ġejjin, magħmul minn uċuħ ġodda u oħrajn magħrufin mal-membri tal-Għaqda.

Il-Kumitat huwa magħmul minn Keith Attard, Michela Brincat, Amy Camilleri, Diane Cutajar, Thea Farrugia, Sephora Francalanza, Gabriel Lia u Romario Sciberras. Dr Michael Spagnol huwa membru eks uffiċċju bħala Kap tad-Dipartiment tal-Malti. Keith Attard, Amy Camilleri u Sephora Francalanza kienu parti mill-kumitat preċedenti.
Fl-istess laqgħa, ġew approvati r-rapport amministrattiv u dak finanzjarju, li ħejja l-Kumitat tas-snin 2017-2019.
Din il-Laqgħa Ġenerali Annwali saret jumejn biss wara dik tal-Akkademja tal-Malti, li fiha nħatret l-ewwel Presidenta tal-Akkademja, Ann Marie Schembri.

Aqra: Tinħatar l-ewwel Presidenta f’100 sena tal-Akkademja tal-Malti

L-Għaqda tal-Malti (Università) imwaqqfa minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931 hi għaqda studenteska li l-għan tagħha hu l-promozzjoni tal-Malti u l-oqsma kollha marbuta miegħu mal-istudenti u lil hinn.
Jekk tixtieq issegwi lill-Għaqda tal-Malti jew anke ssir membru, tista’ ssib iżjed informazzjoni hawn.