Joseph Agius Attard

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Internazzjonali tal-Arti, imtella’ minn Festivals Malta, intemmet b’suċċess fil-ġranet li għaddew għas-sodisfazzjon kbir tal-organizzaturi. Kienet edizzjoni li se tinżel fl-istorja ta’ dan l-avveniment kulturali annwali bħala l-aktar waħda innovattiva u, fl-istess waqt, l-aktar waħda li laħqet udjenzi wesgħin.

Ħafna mir-rappreżentazzjonijiet ta’ dan il-festival ittellgħu f’firxa varjata u innovattiva ta’ postijiet – minn Ħaġar Qim sa Pjazza Teatru Rjal, mill-palk apposta mibni fil-Fossa, il-Belt, għal-bastiment tal-qlugħ Fernandes iddur ix-xtut. Dan fisser li kien hemm ħafna opportunitajiet għall-pubbliku fl-aħħar ġimagħtejn biex jiskopri x’għandha x’toffri Malta, mal-mistednin internazzjonali tagħha, fl-arti performattiva.

Il-programm laħaq il-quċċata ta’ numru ta’ kunċetti u ideat ġodda proposti mid-Direttur Artistiku l-ġdid tal-Festival, Ruben Zahra. Hu juri sodisfazzjon kbir bir-riżultati tal-Festival, l-aktar bil-fatt li l-viżjoni tiegħu għall-Festival ġiet imħaddna minn udjenzi ta’ kull tip, kemm minn dawk li jsegwu l-attivitajiet kulturali kif ukoll minn udjenzi ġodda. “Harbour Odyssey – produzzjoni teatrali u fl-istess waqt vjaġġ fi nżul ix-xemx madwar il-Port il-Kbir – ġennet l-udjenzi, li kienu mħalltin sew bejn turisti u Maltin. It-tliet wirjiet inħatfu fi ftit ġranet,” jgħid Ruben Zahra.

Id-Direttur Artistiku l-ġdid tal-Festival wera ruħu mħeġġeġ ħafna wkoll bl-apprezzament tal-pubbliku għall-programm tal-‘palk fuq il-baħar” li fih saru diversi wirjiet f’seba’ lokalitajiet differenti madwar il-kosta Maltija. Dawn il-wirjiet offrew rappreżentazzjonijiet bla ħlas fuq il-bastiment Fernandes waqt li l-pubbliku seta’ jgawdihom minn fuq ix-xatt. L-apprezzament kien qawwi fuq ħafna livelli, mill-Kunsilli Lokali sal-udjenzi nfushom. “Wirja bħal din offriet sfida loġistika qawwija ħafna lili u lit-team tiegħi,” jgħid Ruben Zahra, “imma r-rispons li kellna għamel il-kedda vallapena għax b’hekk ilħaqna udjenzi ġodda.”

Matthew Mirabelli

Sadattant, iż-żewġ wirjiet f’Ħaġar Qim marru anke aħjar milli mistenni. Huma kienu maħsubin biex joħolqu kuntrast spettakolari bejn l-espressjoni kontemporanja tal-produzzjoni u l-impatt viżiv impressjonanti tat-tempju Neolitiku. Ħaġar Qim serva bħala sfond dinamiku għal żewġ wirjiet li mlew il-post: Temple Percussion u Ancient Voices. “Il-Festival mhuwiex biss vetrina ta’ kunċerti u produzzjonijiet; hu wkoll preżentazzjoni ta’ rakkonti u narrattivi. Dawn iż-żewġ wirjiet servew ta’ opportunità għall-udjenza biex tagħmel l-esperjenza tal-aqwa arti fl-isfond uniku ta’ tempju Neolitiku,” jistqarr Ruben Zahra.

Dawn ir-rappreżentazzjonijiet kienu mseddqin b’mużika, żfin u wirjiet teatrali mimlijin kulur u li qanqlu lill-pubbliku – minn wirja li ġġedded iż-żifna tal-Flamenco b’laqta ġdida, għal produzzjoni teatrali bl-użu tal-ologrammi, għal wirja għat-tfal ispirata mill-mużika tal-kompożitur Taljan Luciano Berio. Imbagħad, l-għeluq u x-xempju tal-Festival kienet Aquasonic li ppreżentat mużiċisti u kantanti jdoqqu u jkantaw taħt l-ilma – wirja kontemporanja u mhux tas-soltu, fl-istess waqt aċċessibbli għal udjenzi ġodda, li tassew saħħret lill-udjenza.

Zahra għandu wkoll pjaċir kbir li l-Festival Internazzjonali tal-Arti kien opportunità biex iġib flimkien talent Malti u internazzjonali. Dan intwera biċ-ċar fil-wirja M.A.D. Music & Dance, fejn il- koreografu Iżraeljan Gil Kerer ħadem ma’ sitt żeffiena Maltin. Bl-istess mod, il-wirja Ancient Voices wettqet kollaborazzjoni bejn iż-żeffiena Maltija Diane Portelli, ta’ Moveo Dance Company, u l-mużiċista Skoċċiż John Kenny.