Sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija jirtiraw sitt ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel. Il-Ministru għal Għawdex spjegat li hemm pjan għall-postijiet vakanti.  Il-pożizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema jvarjaw minn Senior Manager, Deckhand, Senior Engineer & Maintenance Manager u D.P.A., persuni li jiċċekkjaw il-biljetti u Koordinatur tat-terminal.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li l-postijiet vakanti, kemm dawk li diġà hemm kif ukoll dawk li se jkunu vakanti wara din is-sena, se jimtlew skont il-pjan u l-verifiki tar-Riżorsi Umani. Fi kliemha mhux bħalma kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Hija kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said li staqsa kemm se jirtiraw sal-aħħar ta’ din is-sena u meta l-Ministru se tagħti l-approvazzjoni tagħha sabiex jimtlew il-postijiet vakanti li hemm preżentament kif ukoll dawk futuri.