Darren Debono li huwa suspettat fit-traffikar tal-fjuwil mill-awtoritajiet Taljani kellu laqgħa ma’ attache navali mill-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta. Dan sar f’tentattiv biex jitneħħewlu s-sanzjonijiet fuq il-bastimenti u fuq xi assi oħra personali mill-Uffiċċju tal-Kontroll tal-Assi Barranin.

Debono li kien jilgħab il-futbol ma’ Malta, ġie mitlub jikkollabora mal-ambaxxata billi jagħti informazzjoni dwar il-kummerċ u n-netwerks tal-kuntrabandu fil-Mediterran, bħala prekundizzjoni biex jitneħħew is-sanzjonijiet.

Aqra: F’idejn il-Qorti jekk jitneħħewx il-bnadar tal-bastimenti ta’ Darren Debono

Darren Debono kien arrestat f’Lampedusa filwaqt li Gordon Debono kien arrestat f’Katanja f’Settembru 2017 mill-Pulizija Taljana b’akkużi ta’ kuntrabandu tal-fjuwil. It-tnejn li huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fl-Italja. Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti laqgħet talba li saret minnhom ta’ mandat ta’ inbizzjoni biex il-Gvern ma jitlobx biex jinħarġu sanzjonijiet fil-konfront tagħhom. Dan wara li sar magħruf li Malta għamlet talba quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Liema talba twaqqfet hekk mir-Russja, li hi wieħed mill-membri permanenti tal-istess Kunsill.

Aqra: Traffikar fjuwil: Il-Qorti tilqa’ talba ta’ Debono kontra l-Gvern

F’affidavit lill-Qorti, Debono żvela li huwa ġie formalment mistoqsi mill-ambaxxata Amerikana li biex jitneħħew is-sanzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu, attache navali talbu jgħaddi l-informazzjoni lill-istess ambaxxata dwar iċ-ċriki ta’ kuntrabandu f’Malta u fil-madwar.

Fost affarijiet oħra, Debono ntalab jikxef gruppi influwenti fit-traffikar tad-drogi, li min jbiegħu d-droga u kif tiġi trasportata d-droga u merkanzija illeċita oħra. Debono sostna li huwa kien mistqosi dwar talbiet li saru mill-Gvern Russu lill-Gvern Malti biex jingħata l-fjuwil lill-bastimenti tal-gwerra Russi. Liema talba ġiet miċħuda mill-Gvern Malti.

Fl-affidavit Debono sostna li ma għandux informazzjoni dwar dan u qed iħoss li qed jiġi użat u rikattat.

Aqra: Malta tissemma’ mill-ġdid f’każ marbut mal-kuntrabandu taż-żejt