Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ipparteċipa fil-Grupp ta’ Ħidma Informali dwar l-Immigrazzjoni fil-Mediterran li sar f’Pariġi nhar it-Tnejn. Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa li jiġu ffurmati soluzzjonijiet fit-tul u sostenibbli; approċċi li jqisu l-isfidi kollha li qed ikunu ffaċjati u li eventwalment tinstab soluzzjoni li tnaqqas il-pressjoni.

Il-Ministru qal li dan kollu jista’ jseħħ biss jekk il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu lesti juru solidarjetà vera billi jaqsmu l-piż. Farrugia kompla billi qal li l-Unjoni Ewropea għandha tilħaq impenn ċar biex fosthom; il-bastimenti kollha li joperaw fil-Mediterran jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali applikabbli, jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti konċernati u ma jostakolawx l-operazzjonijiet tal-gwardja tal-kosta Libjana; tadotta mekkaniżmu biex tidentifika meta Stat Membru jkun taħt pressjoni; u għandu jintlaħaq qbil dwar il-proċeduri operattivi standard għar-rilokazzjoni, li għandhom bħala minimu jiddelinjaw il-perjodi ta’ żmien li fihom l-operazzjonijiet ta’ rilokazzjoni għandhom jitmexxew biex dan l-eżerċizzju jilħaq l-għanijiet tiegħu.