Fuq l-istazzjon NET illejla jkompli l-programm Teleserje li Stephanie Chircop qed tippreżenta. Minn ġimgħa għall-oħra, flimkien mal-mistiedna tagħha, Stephanie tfakkar uħud mill-aqwa sensiliet li dan l-istazzjon wera tul is-snin waqt li dan il-programm li jixxandar nhar ta’ Tlieta fid-9pm.

Illejla se jkun imiss F’Baħar Wieħed, is-serje ta’ Lino Grech li ħafna jiftakruha fl-aħħar tas-Snin Sebgħin bħala l-ewwel teleserje bil-Malti. Tant kienet popolari din is-serje li ħafna kienu jirreferu għaliha bħala “Ta’ Ġoma” u li saħansitra l-Parlament kien jaġġorna kmieni fil-jum li kien jixxandar.

Fil-bidu tas-Snin Elfejn, l-istazzjon Net kiseb id-drittijiet għal din is-serje u reġa’ beda jaħdimha.

Iżda kienet se tkun suċċess mingħajr il-protagonisti tas-serje oriġinali? Probabbilment li le, u għalhekk kienu ssejħu lura bħala Ġoma u Pinu l-atturi Ġemma Portelli u Lino Grech. Dawn it-tnejn illum il-ġurnata m’għadhomx magħna iżda l-memorja tagħhom tibqa’ ħajja għal għexirien ta’ snin oħra.

Illejla waqt Teleserje, Stephanie Chircop se jkollha magħha lil Fabian Scerri De Carlo biex jitkellmu dwar din is-sensiela filwaqt li jiġġeddu bosta memorji ta’ sitwazzjonijiet ħelwin li kienu jseħħu minn wara ‘l kwinti.