Vin Diesel mal-istunt double tiegħu Joe Watts

Ilbieraħ seħħ inċident fuq is-sett tal-film Fast & Furious 9 hekk kif l-istunt double tal-attur Vin Diesel, Joe Watts, weġġa’ serjament f’rasu u issa jinsabu f’koma. Huwa rrapurtat li l-kundizzjoni tiegħu hi waħda gravi.

Tilly Powell, l-għarusa ta’ Watts, għamlet l-aġġorament fuq il-mezzi soċjali dwar il-kundizzjoni tal-maħbub tagħha.

Ritratt: Facebook

L-inċident seħħ fil-Leavesden Studios fl-Ingilterra fejn qed isir il-ġbid tad-disa’ film minn din is-sensiela li tagħha Vin Diesel huwa protagonist. L-attur ta’ 52 sena huwa rrappurtat li kien taħt xokk kbir meta seħħ l-inċident fejn Watts kien qed jagħmilha taparsi hu f’xena mill-film.

Watts huwa stunt man professjonali, tant li qabel dan il-proġett ta s-sehem tiegħu fuq numru kbir ta’ produzzjonijiet  oħra, li jinkludu Game of Thrones, The Hitman’s Bodyguard, Jurassic World, Kingsman Golden Circle, Mission: Impossible – Fallout, Star Wars: The Last Jedi, u Spider-Man: Far From Home.

It-tfajla ta’ Watts ukoll taħdem bħala stunt double u fil-ħin tal-inċident kienet tinsab fuq is-sett ta’ The Hitman’s Wife’s Bodyguard, li qed jinġibed fi studjo ieħor f’Londra.

Minħabba fl-inċident li seħħ, l-istudjo fejn qed jinħadem Fast & Furious 9 ingħalaq temporanjament.

Dan il-film hu mistenni li jkun qed jintwera fiċ-ċinemas madwar id-dinja mit-2 ta’ Awwissu 2020 u minbarra Vin Diesel fil-kast hemm ukoll Chris “Ludacris” Bridges, John Cena, Diesel, Nathalie Emmanuel, Jordana Brewster, Tyrese Gibson, Helen Mirren, Michelle Rodriguez, Anna Sawai u Charlize Theron.