Chris Kraft, inġinier li mexxa lin-NASA biex il-bniedem niżel fuq il-qamar, miet jumejn biss wara l-50 anniversarju minn meta Neil Armstrong għamel dik il-bravura. Kellu 95 sena.

Kraft ingħaqad man-NASA bħala inġineer fis-snin 40 u kien il-perċimes matul is-snin 60 li kien jagħti attenzjoni lil kull dettall biex kull missjoni spazjali tkun suċċess. Kien qal li ħassu bla saħħa u paralizzat meta l-President John F Kennedy fl-1961 ħabbar li l-Amerika għandha tibgħat l-ewwel bniedem fuq il-qamar.

Chris Kraft, il-fundatur tal-Mission Control tan-NASA

Ir-raġel kien il-kmand assolut fuq kulħadd fiċ-ċentru spazjali, anki fuq l-astronawti. Dan jidher ċar meta l-astronawta Ed White fuq Gemini 4 fl-1965 kien qed jagħmel mixja fl-ispazju u ried jibqa’ barra mill-kapsula aktar milli maħsub għax qal xtaq igawdi x-xenarju, Kraft irrabja u ordnalu biex jidħol fil-kapsula “għax hawnhekk jien jikkmanda. Int astronawta mhux il-kap tan-NASA.”

Meta f’Mejju 1961 kien se jiġi sparat fl-ispazju Alan B Shepard biex ikun l-ewwel Amerikan li tela’ fl-ispazju, xahar wara li r-Russu Gagarin kien l-ewwel bniedem li għamel dan, Kraft tant ħassu eċċitat li beda jitriegħed u lanqas beda jara l-mikrofonu li kellu mal-headset tiegħu biex jiggwidah.

Il-President Amerikan Ronald Reagan ma Chris Kraft fl-1981

Dwar dan l-inċident, fl-2001 fl-awtobijografija tiegħu, Kraft kiteb li “Raġel kien bilqiegħda fuq rocket … il-potenzjal għal diżatru qatt ma kien ’il bogħod aktar minn mument. Kienet okkażjoni ħarxa ħafna li beżżgħetni.”

Meta Neil Armstrong u Buzz Aldrin kienu lesti biex jirfsu fuq il-qamar fl-20 ta’ Lulju 1969 Chris Kraft kien jikkontrolla kollox iwettaq il-wegħda ta’ John F. Kennedy.