L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur (MCCA) qalet li se tkun qed tinvestiga ż-żieda fil-prezz tal-ħalib li tħabbret aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-Awtorità qalet li se tniedi investigazzjoni bil-għan li jkun stabbilit jekk iż-żieda fil-prezz tal-ħalib hix riżultat ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq, li minnha nniffisha tmur kontra l-Att tal-kompetizzjoni fis-suq.

Il-Kumpanija Malta Dairy Products ħabbret li se tkun qed tgħolli l-prezz tal-ħalib min-nhar it-Tnejn 29 ta’ Lulju. Il-Ħalib xkumat u dak b’2.5% xaħam se jiżdiedu bi 11-il ċenteżmu. Il-ħalib tal-kartuna blu skur se jkun qed jiżdied b’10 ċenteżmi. Il-Kumpanija qalet li dan l-aġġustament fil-prezzijiet hu neċessarju biex isostni l-għajxien tar-raħħala tal-ħalib u l-bdiewa li jkabbru l-magħlef.

Malta Dairy Products qalet li qed tillimita l-aġġustament fil-prezz tal-ħalib frisk tagħha għal mhux aktar miż-żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-ikel kif maħruġ mill-Eurostat tul dawn l-aħħar seba’ snin. Il-Kumpanija se tkun ukoll qed taħdem fuq programm ta’ mmodernizzar biex tiżgura s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali tas-settur f’Malta. Il-Kumpanija spjegat kif bil-prezzijiet il-ġodda, il-ħalib frisk tal-Benna xorta se jibqa’ kompetittiv ħafna meta mqabbel ma’ ħalib frisk mibjugħ f’pajjiżi oħrajn Ewropej.

Tista’ tara l-prezzijiet il-ġodda hawn taħt:

Il-Gvern ma għamel xejn biex irażżan l-ispiża tal-manifatturar tal-ħalib – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib hija riżultat ta’ deċiżjoni inevitabbli, li jew jiżdied il-prezz jew tieqaf il-manifattura tal-ħalib frisk f’Malta. Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-biedja u s-sajd Edwin Vassallo ntqal li l-Gvern ma ħa l-ebda inizzjattiva fl-aħħar snin biex irażżan ż-żieda fl-ispiża tal-manifatturar tal-prodotti tal-ħalib.