Valerie Harper, l-attriċi magħrufa fil-Mary Tyler Moore Show, mhux se tispiċċa f’Hospice minkejja li t-tobba rrakkomandaw lil żewġha biex idaħħalha hemm biex tkun ikkurata aħjar. L-attriċi qed tiġġieled il-marda tal-kanċer.

Żewġha Tony Cacciotti kiteb fuq Facebook li t-tobba rrakkomandawlu biex idaħħal lil Val f’Hospice imma hu ma jridx u ma jistax jagħmel hekk għaliex mhux se jinsa l-40 sena ta’ ferħ li għaddew minnhom flimkien.

“Aħna se nibqgħu flimkien u nimxu ’l quddiem sakemm tħallina s-sema u se nagħmel minn kollox dak li hu possibbli biex inżomm lil Val komfortabbli kemm jista’ jkun. F’din id-dinja hawn żewġ anġli speċjali jilagħbuha ta’ bnedmin li jgħixu u jaħdmu flimkien li għamluha possibbli biex jinqdew il-bżonnijiet kollha li Val ikollha bżonn,” kiteb Cacciotti.

Il-koppja ilhom miżżewġin mill-1987 u fil-kitba tiegħu r-raġel irringrazzja mill-qalb lil dawk kollha li wrew simpatija magħhom.

Valerie Harper għandha 79 sena u 10 snin ilu ġġieldet u rebħet lill-kanċer li kellha fil-pulmun. Iżda erba’ snin wara tfaċċalha forma ta’ kanċer ieħor f’moħħha li m’hawnx kura għalih. Kienu qalulha li kellha ftit xhur biss x’tgħix imma grazzi għall-kura medika li ngħatat dan ma seħħx.

L-attriċi kienet ħadmet il-parti ta’ Rhoda Morgenstern f’The Mary Tyler Moore Show (ritratt) fis-snin 70 imma tant intogħġbot li għamlu s-sensiela Rhoda bażat fuq il-karattru tagħha u fis-snin 80 kienet il-wiċċ prinċipali fis-sitcom Valerie. Matul il-karriera tagħha dehret f’aktar minn 12-il film u rebħet erba’ Emmy Awards.