Id-dokumentarju Pass Pass Għal Auschwitz qiegħed fil-lista ta’ produzzjonijiet nominati għall-finali tal-festival ta’ films indipendenti Rome Independent Prisma Awards.

Pass Pass Għal Auschwitz kienet serje ta’ dokumentarji li kienet ixxandret fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, u bħalissa fix-xhur tas-sajf għaddejjin ir-ripetizzjoni tagħha.

Bi produzzjoni ta’ Flash Productions, Pass Pass Għal Auschwitz issa sar A Step By Step to Auschwitz u ġie mqassar għal verżjoni ta’ nofs siegħa.

Il-programm inħadem fil-Polonja, b’Joe Dimech jippreżenta u stajna nsegwu intervisti ma’ nies li għal xi żmien għexu f’Auschwitz. It-tim tal-programm mar ukoll fl-Ingilterra fejn hemmhekk iltaqgħu ma’ professuri li jgħallmu fuq l-Olokawst fl-Università ta’ Londra

Il-kamp ta’ konċentrazzjoni ta’ Auschwitz (Konzentrationslager Auschwitz) kien kumpless ta’ aktar minn 40 kamp ta’ konċentrazzjoni u sterminazzjoni mibnija u mħaddma mill-Ġermanja Nazista fil-Polonja okkupata matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst.  Permezz ta’ din is-sensiela  naraw eżatt kif kienu mqassma dawn il-kampijiet.

Il-programm għandu kitba u produzzjoni ta’ Dixon Vella u Jonathan Farrugia, b’direzzjoni ta’ Jonathan Farrugia. It-traduzzjoni għal-lingwa Maltija saret minn Alexis Callus.

Il-finali tar-Rome Independent Prisma Awards se jsiru fit-30 ta’ Awwissu.