L-Għaxaq Music Festival issa qiegħed fl-20 edizzjoni tiegħu u hu lest biex joffri jumejn ta’ mużika eċitanti, li tinkludi Smokie u Ultimate Coldplay.

Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li dawn l-inizjattivi lokali jingħataw is-sostenn u l-inkoraġġiment li ħaqqhom: “Grazzi għal dawn il-proġetti qegħdin inġibu l-mużika u l-kultura fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna, u permezz tal-appoġġ tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-istrateġija tagħna li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd.” Hu għalaq billi qal li b’festivals ta’ din is-sura qegħdin ukoll nippromwovu talent lokali, billi nipprovdu pjattaforma biex juru u jimirħu fit-talent tagħhom.

L-Għaxaq Music Festival jiftaħ nhar it-Tlieta 6 ta’ Awwissu b’Ultimate Coldplay li ġie vvutat bħala l-aqwa tribute band fir-Renju Unit waqt it-Tribute Awards tal-2018. Fil-preżent ser ikunu qed joħolqu l-atmosfera tat-tour ‘A Head Full of Dreams’ ta’ Coldplay permezz ta’ kostumi, azzjoni fuq il-palk u fuq kollox il-ħolqien ta’ dak il-ħoss mill-aktar distintiv ta’ Coldplay.

Dan l-avveniment se jiftaħ bl-artist kontemporanju Malti Matthew James & Band, flimkien ma’ bosta artisti mistiedna oħra. Kif issa hi drawwa din is-serata hi fużjoni bejn l-aqwa artisti Maltin u barranin.

L-Erbgħa 7 t’Awwissu jara lil Smokie’s World Tour lura Malta. B’mawra f’20 pajjiż mxerrda fi tliet kontinenti differenti, ċertament dan hu ritorn wisq mistenni lura fi gżiritna ta’ dan il-grupp ikoniku. Grupp li qed jiċċelebra 40 sena ta’ recordings u tours, u se jkunu qegħdin idoqqu diski mill-album il-ġdid live, u ser jagħtu lil pubbliku ċ-ċans li jitpaxxew b’għażla ta’ klassiċi mill-aktar maħbuba.

Dan l-avveniment se jittella’ fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq, id-dħul huwa bla ħlas. Għal aktar informazzjoni żur: https://www.facebook.com/ghaxaqmusicfestival.