Toqgħod fejn toqgħod is-sigurtà tad-dar dejjem tibqa’ kwistjoni li wieħed ikollu jindirizza u jieħu ħsieb. L-unika mistoqsija li wieħed irid jistaqsi hi jekk hux se jindirizzaha qabel jew wara ma jkun intlaqat minn attentat ta’ serq. Dawn huma 10 żbalji komuni li wieħed jista’ jevita bil-għan li jnaqqas ir-riskju tas-serq:

Taħbi ċ-ċavetta taħt xi tapit jew qasrija

Ħafna nies iħobbu jżommu kopja taċ-ċavetta tal-bieb ta’ barra moħbija xi mkien fil-parapett. Minnha nnifisha hi idea tajba f’każ li jkollok lil xi ħadd jeħodlok ħsieb id-dar jew f’każ li tissakkar barra. Madanakallu sfortuntamanet xi wħud jaħbu ċ-ċavetta f’postijiet ovvji fejn ħalliel faċilment isibha. F’kelma oħra, taħbix iċ-ċavetta taħt it-tapit jew xi qasrija! Iktar kemm iċ-ċavetta ‘spare’ tkun miżmuma bogħod mir-residenza, iktar aħjar.

Posts fuq il-midja soċjali

Għalkemm il-midja soċjali hi għodda tajba ħafna, wieħed irid jogħod attent xi jtella’ fuq il-profil tiegħu, speċjalment meta jkun se jsiefer. Importanti li dak li jkun iżomm f’moħħu li l-midja soċjali hi intenzjonata li tkun pubblika, għalhekk importanti li wieħed ma jtellax id-dettalji tas-safra tiegħu, dment li ma jkunx irid li kulħadd ikun jaf meta u fejn sejjer, f’kelma oħra – meta mhux ħa jkun id-dar. Dejjem tista’ ttella’ r-ritratti tas-safra wara li tkun wasalt lura.

Siġra viċin ħafna jew mal-faċċata tad-dar

Għalkemm f’Malta mhix daqshekk komuni li jitħawlu siġar kbar fil-parapetti, xi wħud xorta jkunu jixtiequ jħawlu siġar imdaqqsa. Għalkemm din hi idea tajba għax issebbaħ il-parapett u fiha l-vantaġġi ambjentali tagħha, wieħed għandu jqis il-pożizzjoni ta’ fejn iħawwel is-siġra hekk kif din tista’ tintuża faċilment biex xi ħadd jistaħba warajha.

Tħallix affarijiet prezzjużi fejn jidhru

Ħafna kultant jinsew li t-twieqi juru għal ġewwa daqs kemm juru għal barra. Daqs kemm inti tkun tista’ tara barra, ħaddieħor jista’ jara ġewwa, partikolarment jekk it-twieqi jkunu mal-livell tat-triq. Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent x’affarijiet prezzjużi jħalli jidhru li jistgħu jidhru minn barra, inkluż ġojjellerija.

Kaxxex mormija quddiem il-bieb tad-dar

Hekk kif f’Malta aħna mdorrijin li ż-żibel jinġabar minn wara l-bieb, meta dak li jkun jixtri xi apparat jew teknoloġija ġdida bħal televixin jew laptop, ġeneralment noħorġu l-kaxxa maż-żibel fuq il-bankina. Meta wieħed jagħmel hekk ikun qed jesponi u juri lil kulħadd li xtara apparat li jiswa l-flus. Idealment wieħed għandu jipprova jqatta’ l-kaxxa jew jarmiha f’sit tar-riċiklaġġ fil-lokalità.

Kaxxa tal-ittri mimlija

Jekk se ssiefer fit-tul, tajjeb li tavża l-uffiċċju postali hekk kif jista’ jkun li tirċievi ittri importanti li jistgħu jintilfu jekk ikollok il-kaxxa tal-ittri mimlija għax tkun imsiefer. Kaxxa tal-ittri mimlija tindika wkoll li fid-dar m’hemm ħadd, u jkun sinjal għal ħallelin biex joffrilhom opportunità.