Miguela Xuereb

L-Alternattiva Demokratika rreaġixxiet għal dak li l-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal lill-ġurnalisti llum dwar il-proġett Central Link, u b’mod sarkastiku ferħitlu li “għamel skoperta ġdida u vvinta definizzjoni ġdida ta’ politika favur l-ambjent.” Dan għaliex il-Ministru qal lill-ġurnalisti li l-proġett huwa favur l-ambjent, u huma fil-minoranza dawk li qed jopponuh.

Dawn il-kummenti ġew jum wara li madwar 1,000 persuna nġabru f’Ħ’Attard biex jipprotestaw kontra dan il-proġett. Uħud minnhom intrabtu mas-siġar b’mod simboliku, peress li dan il-proġett qed jingħad li se jwassal għat-tqaċċit ta’ 549 siġra.

Aqra: Aġġornata: Filmat: Persuni jintrabtu mas-siġar bi protesta kontra s-Central Link

Ralph Cassar mill-Alternattiva Demokratika qal li f’Malta hawn Gvern li mhuwiex juri sinjali tajbin ta’ tmexxija u m’għandux il-kuraġġ jieħu l-passi meħtieġa għal mezzi ta’ trasport sostenibbli biex joffri spazji siguri għal min irid juża r-rota u r-rota elettrika, u biex inaqqas l-użu tal-karozzi.
Qal li f’Malta hawn il-ħtieġa għal karreġġjati riservati għall-karozzi tal-linja, żoni fejn vetturi li jniġġsu jkunu ristretti jew ikollhom iħallsu tariffa biex jaċċessaw il-post. Sostna li Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista jgħidu mod fil-Parlament Ewropew, imma mbagħad f’Malta l-Gvern jagħmel mod ieħor. Temm jgħid li dan il-Gvern m’għandux viżjoni moderna għat-trasport.

Aqra: Filmat: Central Link: “Se jkun hemm aktar nies fil-protesta li jmiss”

Aqra: Central Link: Il-PN jitlob ir-riżenja ta’ Victor Axiak mill-ERA

Aqra: “Meta jitwieldu t-trabi, ma noqtlux lix-xjuħ” – ilmenti dwar it-tqaċċit tas-siġar għas-Central Link

Aqra: Central Link: Il-proġett jiġi approvat