DOI: Jason Borg

L-inġiniera gradwati issa jistgħu jaħdmu bħala uffiċjali tekniċi tas-siti tal-kostruzzjoni, permezz tal-liġi l-ġdida.

Dan spjegah il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, hu u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Suq tal-Propjetà Chris Agius, dwar ir-Riforma tal-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni li daħlet fis-seħħ ftit tal-ġimgħat ilu.

Aqra: Gradwati fl-Inġinerija tal-Kostruzzjoni mill-MCAST iridu warrant

Kemm l-inġiniera gradwati mill-MCAST, kif ukoll dawk gradwati mill-Università, se jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ uffiċjali tekniċi fis-siti tal-kostruzzjoni. Minn mindu ħarġet il-liġi l-ġdida, kien hemm 2,500 persuna li mliet id-dikjarazzjonijiet li titlob il-liġi aġġornata, u 1,100 li mlew id-dikjarazzjoni li x-xogħlijiet li jridu jsiru fuq is-sit tagħhom ma jimponux riskju fuq terzi persuni.

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Skont il-figuri li ta l-Ministru, kien hemm 45 method statement li ġie sottomess fil-każ ta’ twaqqigħ u skavar, u 78 method statement għal xogħlijiet ta’ bini. Tkellem ukoll fuq ir-reġistru tal-bennejja, u qal li kien hemm żieda fil-bennejja li rregolarizzaw ruħhom. Qal li l-proċess tar-reġistru tal-kuntratturi għaddej tajjeb, bil-ħsieb li titwaqqaf l-Awtorità tal-Kostruzzjoni u l-Bini sabiex il-kuntratturi jiġu regolarizzati wkoll.

Aqra: Aġġornata: “L-industrija tal-kostruzzjoni tinsab fi kriżi” – Kamra tal-Periti

Aqra: MCAST: Kors għall-warrant qasir wisq – Il-Kamra tal-Inġiniera