Il-Prim Ministru Andrej Babiš tar-Repubblika Ċeka qal li se jerġa’ jinnomina lil Věra Jourová biex tkun Kummissarju Ewropew. Huwa qal dan it-Tnejn wara li kellu laqgħat mal-President-elett tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen.

Mill-2014, Jourová ħadmet fil-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean-Claude Juncker bħala l-Kummissarju responsabbli mill-Ġustizzja, l-Konsumaturi u l-Ugwaljanza.

Is-sena li għaddiet, Newsbook.com.mt intervista lil Jourová b’mod esklussiv fil-binja Berlaymont tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Fost it-temi diskussi kien hemm l-allegazzjonijiet tal-ħasil tal-flus, l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment u l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.

Esklussiva: L-UE b’rakkomandazzjoni ġdida għall-bejgħ tal-passaporti

Hija kemm-il darba stqarret li Malta mistennija li tagħmel aktar biex tara li l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus jidħlu fis-seħħ. Kienet ukoll ippubblikat l-ewwel rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza li jeżistu fil-pajjiżi membri. Ir-rapport kien identifika ċertu riskji li skemi bħal dawn iġibu magħhom speċjalment b’rabta mas-sigurtà, l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, u l-korruzzjoni.

AQRA: Il-bejgħ tal-passaporti Maltin b’riskji għall-UE – KE

Jourová hija t-tmien mara li ġiet innominata mill-pajjiżi Ewropej biex isservi fil-Kummissjoni Ewropea. Dan wara n-nomini li ġew mill-Ġermanja, d-Danimarka, Fillandja, Estonja, Bulgarija, Malta u Ċipru.

AQRA: Helena Dalli nominata għal Kummissarju Ewropew