Għal sena oħra, Inizjamed ħadet l-inizjattiva li torganizza l-proġett Film Poeżija, li permezz tiegħu, għadd ta’ poeżiji Maltin qed jingħataw ħajja ġdida permezz ta’ film.

Il-konferenza stampa li fiha se jintwerew il-films u jinqraw ix-xogħlijiet li huma bbażati dwarhom il-films se ssir illejla fit-8pm f’The Cinema Bar by City Lights fil-Belt Valletta. Matulha se titħabbar l-14-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.

Aqra: Awdjo: Minn poeżija għal film… u aktar

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura se jkun twil ġimgħa sħiħa, bl-attivitajiet jibdew minn nhar il-Ħadd, 18 ta’ Awwissu u jikkonkludi bi tlett iljieli fil-Forti Sant’Iermu bejn il-Ħamis, 22 u s-Sibt, 24 ta’ Awwissu.

L-attivitajiet jinkludu diskussjonijiet u Palk Ħieles. Il-Festival se jilqa’ 12-il awtur, Rasha Abbas (Sirja/Ġermanja), Astrid Alben (Renju Unit), Rena Balzan (Malta), Antoine Cassar (Malta), Yolanda Castaño (Galizja), Sampurna Chattarji (Indja), Elizabeth Grech (Malta), Eric Ngalle Charles (Kamerun/Wales), Yolanda Pantin (Venezwela), Davide Rondoni (Italja), Habib Tengour (Alġerija/Franza) u Loranne Vella (Malta).

Aqra: Awturi rinomati fil-Festival tal-Letteratura

Matul il-jiem tal-Festival, se jittella’ workshop tat-traduzzjoni li se jitmexxa minn Nadia Mifsud. It-traduzzjonijiet u x-xogħlijiet oriġinali se jinqasmu mal-pubbliku matul l-iljieli fil-Forti.

Dan il-Festival qed jittella’ bl-appoġġ sħiħ tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti minn ftehim ta’ tliet snin magħruf bħala l-Cultural Partnership Agreement. Il-Festival qed jittella’ wkoll bl-għajnuna ta’ Literature Across Frontiers, Heritage Malta, u l-Għaqda tal-Malti – Università. Dan il-Festival ingħata rikoxximent internazzjonali permezz tat-timbru tal-EFFE Europe for Festivals, Festivals for Europe.

Għal iżjed tagħrif żur il-paġna ta’ Inizjamed fuq Facebook.