L-isterlina kompliet titlef fil-valur hekk kif niżlet għal $1.21 għall-ewwel darba minn Jannar 2017. Dan wara li kompla jżid it-tħassib li r-Renju Unit se jkun qed jitlaq mill-Unjoni Ewropea bla ftehim.

L-isterlina waqgħet għal $1.2085 qabel ma telgħet għal $1.2104, tnaqqis ta’ 0.45% fil-valur meta kkumparat mad-dollaru Amerikan. Meta mqabbla mal-ewro, l-isterlina waqgħet b’0.01% għal €1.0978.

L-inqas li qatt niżlet kontra l-ewro kienet għal €1.02 fl-2009 filwaqt li l-inqas li kienet kontra d-dollaru kien fl-1985.

L-inċertezza dwar il-futur qed tinħass hekk kif żdiedet ukoll il-possibilità ta’ elezzjoni bikrija fir-Renju Unit. Boris Johnson li għadu kif laħaq prim ministru tal-pajjiż wiegħed li se jkun qed iwassal il-Brexit bil-ftehim jew mingħajru. Huwa sostna li r-Renju Unit se jkun qed jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru. Is-sitwazzjoni politika affettwat il-valur tal-isterlina.

Johnson saħaq li huwa mhux se jkun qed jiddiskuti mal-Unjoni Ewropea jekk din ma tneħħix il-backstop mal-Irlanda.

Il-prim ministru l-ġdid ta’ Renju Unit wiegħed ukoll li huwa determinat li jistimola l-ekonomija tal-pajjiż.

Iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jinsabu barra minn pajjiżhom qed iħossu t-telf fil-valur tal-isterlina hekk kif dawn jiġu biex jibdlu l-flus għall-ewro u d-dollaru, hekk kif għal kull lira sterlina qed jingħatu inqas minn ewro. Jekk l-isterlina tibqa’ baxxa, l-inflazzjoni fil-pajjiż ikompli jżidid. Dan juri n-nuqqas ta’ kunfidenza li hemm fil-futur tar-Renju Unit fi swieq internazzjonali.

Minħabba li l-isterlina qed titlef il-valur, il-valur tat-tfaddil u s-salarji wkoll qed jonqos hekk kif qed jgħollew l-prodotti importati minn barra r-Renju Unit.